Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Il-mewt taʼ dawk leali lejn Alla, kif inhi “prezzjuża f’għajnejn Ġeħova”?
▪ Salmista mnebbaħ kanta: “Prezzjuża f’għajnejn Ġeħova hi l-mewt taʼ dawk leali lejh.” (Salm 116:15) Il-ħajja taʼ kull aduratur veru taʼ Ġeħova hi taʼ valur kbir għalih. Madanakollu, il-kliem kwotat hawn fuq minn Salm 116 ifisser iktar minn sempliċement il-mewt taʼ individwu wieħed.
Meta tkun qed tingħata taħdita taʼ funeral għal Kristjan, ma jkunx xieraq li jiġi applikat il-kliem taʼ Salm 116:15 għall-wieħed mejjet, avolja jkun miet bħala qaddej leali taʼ Ġeħova. Għala? Għax l-istqarrija tas-salmista kellha sinifikat akbar minn hekk. Tfisser li Alla mhux se jħalli lil-leali tiegħu kollha bħala grupp imutu għax hu jqishom bħala prezzjużi wisq.—Ara Salm 72:14; 116:8.
Salm 116:15 jaċċertana li Ġeħova mhux se jħalli li l-qaddejja leali tiegħu bħala grupp jitneħħew għalkollox minn fuq l-art. Fil-fatt, l-istorja moderna tagħna turi li diġà ssaportejna provi u persekuzzjonijiet ħorox, u b’hekk tagħtina prova ċara li Alla qatt mhu se jħallina niġu meqrudin kompletament.
Minħabba li Ġeħova għandu qawwa bla limitu u peress li l-iskop tiegħu żgur li se jseħħ, mhuwiex se jħallina ninqerdu bħala grupp. Li kieku Alla kellu jippermetti dan, kien ikun bħallikieku l-għedewwa tiegħu huma iktar qawwijin minnu—xi ħaġa impossibbli! Kieku ma kienx jitwettaq l-iskop taʼ Ġeħova biex il-globu jkun mimli b’nies li huma leali lejh—u aħna nafu li l-iskop t’Alla dejjem jitwettaq. (Is. 45:18; 55:10, 11) Ukoll, kieku Ġeħova ma kienx jibqaʼ jingħata servizz sagru fuq l-art jekk ma kienx ikun hawn iktar bnedmin biex iqimuh fil-btieħi fuq l-art tat-tempju spiritwali grandjuż tiegħu! Ma kienx ikun hawn nies biex jifformaw l-“art ġdida”—is-soċjetà taʼ bnedmin ġusti li jgħixu fuq l-art taħt is-“sema ġdid.” (Riv. 21:1) U jerġaʼ, il-Ħakma taʼ Kristu t’Elf Sena kieku ma ssirx realtà mingħajr sudditi fuq l-art.—Riv. 20:4, 5.
Il-pożizzjoni u r-reputazzjoni t’Alla kieku jiġu dubitati li kieku kellu jħalli l-għedewwa tiegħu jeqirdu l-grupp kollu tan-nies tiegħu fuq l-art. Ħaġa bħal din kieku kienet titfaʼ dubju fuq il-pożizzjoni taʼ Ġeħova bħala s-Sovran Universali. Ukoll, minħabba li Ġeħova għandu rispett lejh innifsu u lejn l-isem qaddis tiegħu, hu mhux se jippermetti l-mewt tal-uħud leali tiegħu bħala grupp. U kkunsidra dan: Ladarba “m’hemm ebda inġustizzja” m’Alla, qatt mhu se jonqos milli jsalva l-grupp taʼ nies li qed jaqduh lealment. (Dt. 32:4; Ġen. 18:25) Iktar minn hekk, kieku kellu jħalli l-qaddejja tiegħu jiġu meqrudin bħala grupp kien ikun qed imur kontra Kelmtu li tgħid: “Ġeħova ma jabbandunax lill-poplu tiegħu minħabba ismu l-kbir.” (1 Sam. 12:22) Tabilħaqq, “Ġeħova mhux se jabbanduna lill-poplu tiegħu, lanqas ma se jitlaq lil wirtu stess.”—Salm 94:14.
Kemm iqawwilna qalbna li nkunu nafu li l-poplu taʼ Ġeħova qatt ma se jinqered minn fuq l-art! Għaldaqstant, ejja dejjem nuru li aħna leali lejn Alla u nafdaw fil-wegħda tiegħu: “Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix, u kwalunkwe lsien li jqum kontrik fil-ġudizzju, int tikkundannah. Dan hu l-wirt tal-qaddejja taʼ Ġeħova, u s-sewwa tagħhom ġej mingħandi.”—Is. 54:17.
[Kumment f’paġna 22]
Alla qatt mhu se jħalli l-poplu tiegħu jiġi meqrud kompletament