Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Anzjani—Se Sserrħu “lir-Ruħ Għajjiena”?

Anzjani—Se Sserrħu “lir-Ruħ Għajjiena”?

Angela, * oħt mhix miżżewġa u li għandha fuq it-30 sena, tinsab xi ftit ansjuża. Qiegħda tistenna lill-anzjani. Tgħid x’se jgħidulha? Huwa veru li mmissjat xi ftit laqgħat, imma tinsab għajjiena mejta wara ġurnata sħiħa taħdem man-nies anzjani. Flimkien mat-tħassib taʼ kuljum, hi inkwetata ħafna wkoll dwar saħħet ommha.

Kieku kellek iżżur lil Angela, kif kont se tinkuraġġixxi lil din “ir-ruħ għajjiena”? (Ġer. 31:25) Iżda l-ewwel, kif kont se tipprepara biex iż-żjara pastorali tiegħek tkun waħda li sserraħ?

AĦSEB DWAR IĊ-ĊIRKUSTANZI TAʼ ĦUK

Kultant, ilkoll kemm aħna negħjew minħabba x-xogħol sekulari jew ir-responsabbiltajiet teokratiċi tagħna. Pereżempju, il-profeta Danjel ‘ħassu bla saħħa’ meta ngħata viżjoni li ma setax jifhem. (Dan. 8:27) Għalhekk, Alla bagħat lill-anġlu Gabrijel biex jispjega xi affarijiet lil Danjel u biex jgħidlu li Ġeħova kien semaʼ t-talb tiegħu. L-anġlu qallu wkoll li hu kien għadu “maħbub ferm” minn Ġeħova. (Dan. 9:21-23) Iktar tard, anġlu ieħor deher lil Danjel u inkuraġġieh bi kliem simili għal dan.—Dan. 10:19.

Qabel iżżur lil xi ħadd, qis iċ-ċirkustanzi taʼ sieħbek fit-twemmin

Bl-istess mod, qabel iżżur lil xi sieħeb fit-twemmin li għandu mnejn ikun għajjien jew skuraġġit, ħu l-ħin biex taħseb dwar iċ-ċirkustanzi tiegħu. Liema problemi qed jiffaċċja? Kif jistgħu dawn il-problemi jkunu qed jiħdulu l-enerġija kollha tiegħu? Liema kwalitajiet mill-aħjar għandu? “Jien nikkonċentra l-iktar fuq il-kwalitajiet tajbin taʼ  ħuti,” jgħid Richard, li ilu anzjan iktar minn 20 sena. “Billi nqis tajjeb iċ-ċirkustanzi tagħhom qabel nagħmlilhom iż-żjara,” hu jżid, “ikun eħfef biex insib modi kif ninkuraġġihom skont il-bżonnijiet partikulari tagħhom.” Jekk int u anzjan ieħor tippjanaw li żżuru lil xi ħadd, ikun tajjeb għat-tnejn li intom li titkellmu dwar is-sitwazzjoni tal-ħu qabel iż-żjara.

GĦIN LIL ĦUK IĦOSSU KOMDU

X’aktarx taqbel li meta wieħed jesprimi sentimenti persunali jistaʼ jħossu jistħi. Biex nagħtu eżempju: Ħuk għandu mnejn isibha diffiċli jiftaħ qalbu meta jiġu l-anzjani jżuruh. Mela, kif tistaʼ tgħin lil ħuk iħossu komdu? It-tbissima ħelwa tiegħek u xi kliem taʼ faraġ jistgħu jkollhom effett tajjeb. Michael, ħu li ilu anzjan iktar minn 40 sena, spiss jibda ż-żjajjar tiegħu b’kummenti bħal: “Bħalma taf, wieħed mill-isbaħ privileġġi li għandu anzjan hu li jżur lill-aħwa fi djarhom u jsir jafhom aħjar. Allura, kont verament qed inħares ’il quddiem għal din iż-żjara llum.”

Fil-bidu taż-żjara, int tistaʼ tgħid talba mill-qalb mal-ħu. Fit-talba, tistaʼ ssemmi l-kwalitajiet tajbin tiegħu, bħall-fidi, l-imħabba, u s-sabar. Hekk għamel l-appostlu Pawlu meta talab għal ħutu. (1 Tess. 1:2, 3) Meta titlob b’dan il-mod maʼ ħuk, int tkun qed tgħin lilkom it-tnejn biex ikollkom l-attitudni x-xierqa dwar iż-żjara. B’hekk, il-konversazzjoni tagħkom se tkun waħda inkuraġġanti. It-talba tiegħek tistaʼ wkoll tfarraġ lill-ħu. Anzjan bl-esperjenza jismu Ray jgħid li kultant ilkoll ninsew l-affarijiet tajbin li nkunu qed nagħmlu fix-xogħol taʼ Ġeħova u nħossuna ħafna aħjar meta ħaddieħor ifakkarhomlna.”

UŻA L-BIBBJA BIEX TINKURAĠĠIXXI

Bħal Pawlu, int tistaʼ tagħti “għotja spiritwali” billi taqsam ħsieb Skritturali, anki minn vers wieħed biss. (Rum. 1:11) Pereżempju,  ħu dipress jistaʼ jħossu li mhu tajjeb għal xejn, bħas-salmista li qabbel lilu nnifsu maʼ “flixkun tal-ġild [li nixef] fid-duħħan.” (Salm 119:83, 176) Wara li tagħti spjegazzjoni qasira dwar din l-espressjoni, int tistaʼ tesprimi l-fiduċja tiegħek li ħuk ‘ma nesiex’ il-kmandamenti t’Alla.

Bl-istess mod, tistaʼ int bit-tixbiha dwar id-drakma l-mitlufa tinkuraġġixxi lil xi oħt li tbiegħdet mill-kongregazzjoni jew li tilfet iż-żelu? (Lq. 15:8-10) Id-drakma l-mitlufa setgħet kienet parti minn ġiżirana prezzjuża magħmula minn ħafna drakmi tal-fidda. Billi tiddiskutu din it-tixbiha, hi tistaʼ tiġi megħjuna biex tara li hi parti imprezzabbli mill-kongregazzjoni Kristjana. Wara li tkunu ddiskutejtu dan, int tistaʼ tenfasizza kemm Ġeħova jimpurtah minnha bħala waħda min-nagħaġ ċkejknin tiegħu.

Sħabna fit-twemmin normalment jieħdu pjaċir jesprimu ħsibijiethom dwar il-Bibbja. Għalhekk, titkellimx il-ħin kollu int! Wara li taqra vers li għandu x’jaqsam mas-sitwazzjoni tagħhom, tistaʼ tagħżel kelma jew frażi speċifika mill-vers u għidilhom jikkummentaw fuqha. Pereżempju, wara li taqraw it-2 Korintin 4:16, anzjan forsi jistaʼ jistaqsi, “Esperjenzajt int personalment xi modi li bihom Ġeħova jġeddek, jew isaħħek?” Mistoqsija bħal din tistaʼ twassal biex verament ‘tinkuraġġixxu lil xulxin.’—Rum. 1:12.

Sħabna fit-twemmin normalment jieħdu pjaċir jesprimu ħsibijiethom dwar il-Bibbja

Ukoll, tistaʼ tfarraġ sieħeb fit-twemmin billi tiddiskuti miegħu xi karattru Bibliku li kien f’sitwazzjoni bħal tiegħu. Xi ħadd li għandu qalbu maqtugħa forsi jħossu bħal Ħanna jew Epafroditu. It-tnejn li huma kultant ħassewhom dipressi, imma xorta kienu prezzjużi għal Alla. (1 Sam. 1:9-11, 20; Flp. 2:25-30) Għala ma tiddiskutux xi eżempji Bibliċi adattati meta s-sitwazzjoni tippermetti dan?

KUN ĊERT LI TKOMPLI TURI INTERESS

Wara ż-żjara, kompli uri interess f’ħuk. (Atti 15:36) Pereżempju, fi tmiem iż-żjara tistaʼ tiftiehem miegħu biex tmorru tippritkaw flimkien. Meta Bernard, anzjan tal-esperjenza, jerġaʼ jiltaqaʼ maʼ ħu li ma jkunx ilu li żar, b’mod għaqli jistaʼ jirreferi għal xi parir li jkun tah billi jistaqsih, “Xi tgħidli, qed jaħdmu l-pariri li tkellimna fuqhom?” Billi turi interess personali bħal dan, int tkun tistaʼ tiddeċiedi jekk għandux bżonn iktar għajnuna.

Iktar minn qatt qabel, ħutna rġiel u nisa għandhom bżonn min jimpurtah minnhom, jifhimhom, u jħobbhom. (1 Tess. 5:11) Għalhekk, qabel tagħmel xi żjara pastorali, ħu l-ħin biex taħseb dwar is-sitwazzjoni taʼ ħuk. Itlob dwarha. Agħżel skritturi adattati. Imbagħad, int se ssib il-kliem eżatt biex isserraħ “lir-ruħ għajjiena”!

^ Par. 2 L-ismijiet ġew mibdulin.