Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Ikun xieraq li ġenituri Kristjani joqogħdu bilqiegħda ħdejn binhom li jkun maqtugħ mis-sħubija fil-laqgħat tal-kongregazzjoni?

M’għandniex għalfejn inkunu konċernati bla bżonn dwar fejn għandu joqgħod bilqiegħda xi ħadd maqtugħ mis-sħubija fis-Sala tas-Saltna. Din ir-rivista għamlet kull sforz biex tinkuraġġixxi lill-ġenituri Kristjani sabiex jipprovdu għajnuna spiritwali lit-tifel * tagħhom maqtugħ mis-sħubija li għadu jgħix id-dar jekk dan ikun xieraq. Bħalma jidher f’paġni 19 u 20 tal-ħarġa tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-15 taʼ Novembru, 1988, il-ġenituri jistgħu saħansitra jistudjaw il-Bibbja maʼ tifel taħt l-età legali li hu maqtugħ mis-sħubija u li għadu jgħix magħhom. Hija t-tama tagħna li t-tifel b’hekk jingħata l-inkuraġġiment bżonjuż biex jirranġa ħajtu.

Rigward l-arranġamenti taʼ fejn wieħed għandu jpoġġi bilqiegħda fis-Sala tas-Saltna, mhix problema jekk tifel maqtugħ mis-sħubija joqgħod bil-kwiet ħdejn il-ġenituri tiegħu. Ladarba mhuwiex meħtieġ li xi ħadd maqtugħ mis-sħubija jpoġġi fuq wara tas-sala, m’għandu jkun hemm ebda oġġezzjoni jekk tifel maqtugħ mis-sħubija joqgħod bilqiegħda ħdejn il-ġenituri tiegħu, joqogħdu fejn joqogħdu bilqiegħda. Hekk kif il-ġenituri jieħdu ħsieb lit-tifel spiritwalment, żgur li jridu jagħmlu ċert li hu qed jibbenefika mil-laqgħat. F’dan ir-rigward, jekk iżommu lit-tifel ħdejhom minflok ma jħalluh bilqiegħda waħdu xi mkien ieħor jistaʼ jkun t’għajnuna.

Iżda xi ngħidu jekk tifel maqtugħ mis-sħubija m’għadux jgħix mal-ġenituri tiegħu? Ifisser li ma jistax joqgħod bilqiegħda ħdejhom? Fil-passat, din ir-rivista stqarret b’mod ċar l-attitudni x-xierqa li Kristjan għandu jistinka biex ikollu meta jassoċja maʼ qarib maqtugħ mis-sħubija li ma jgħixx id-dar. * Madankollu, is-sitwazzjoni taʼ meta individwu maqtugħ mis-sħubija joqgħod bil-kwiet ħdejn il-qraba tiegħu matul il-laqgħat hu differenti ferm mis-sitwazzjoni taʼ meta l-qraba jfittxu li jqattgħu l-ħin miegħu bla bżonn. Jekk il-membri leali tal-familja jkollhom l-attitudni x-xierqa lejn il-qarib tagħhom maqtugħ mis-sħubija u qed iħabirku biex isegwu l-parir tal-Iskrittura dwar is-sħubija miegħu, ma jidhirx li jkun hemm għalfejn li wieħed jinkwieta.—1 Kor. 5:11, 13; 2 Ġw. 11.

Kemm jekk xi ħadd maqtugħ mis-sħubija jpoġġi bilqiegħda ħdejn qarib u kemm jekk ipoġġi ħdejn xi membru ieħor tal-kongregazzjoni, dan m’għandux jinkwetana dment li jġib ruħu sew. Skont iċ-ċirkustanzi, jistgħu jinqalgħu diversi problemi jekk bniedem noqogħdu ngħidulu fejn għandu joqgħod bilqiegħda. Jekk dawk kollha preżenti, inkluż qraba leali, qed jistinkaw biex jirrispettaw il-prinċipji Bibliċi li għandhom x’jaqsmu mal-qtugħ mis-sħubija, u mhuwiex qed ifixkel lill-aħwa, m’hemmx għalfejn inħabblu moħħna dwar fejn joqogħdu bilqiegħda dawk li jattendu l-laqgħat Kristjani. *

^ Par. 3 Għalkemm dan l-artiklu jirreferi għal wild taħt l-età u li hu maqtugħ mis-sħubija fil-maskil, il-punti japplikaw ukoll għal bniet.

^ Par. 5 Ara It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-15 taʼ Settembru, 1981, paġni 29 u 30.

^ Par. 6 Din l-informazzjoni taġġorna dak li ġie pubblikat fit-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 t’April, 1953, paġna 223.