Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Oqgħod Attent X’Tip ta’ Persuna Għandek Tkun

Oqgħod Attent X’Tip ta’ Persuna Għandek Tkun

“Oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.”—2 PT. 3:11.

1, 2. ‘X’tip taʼ persuni għandna nkunu’ biex niksbu l-approvazzjoni t’Alla?

IL-BIĊĊA l-kbira min-nies huma interessati dwar x’jaħseb ħaddieħor dwarhom. Iżda bħala Kristjani, m’għandniex aħna nkunu iktar konċernati dwar x’jaħseb Ġeħova dwarna? Wara kollox, hu l-akbar Persuna fl-univers, u għandu hemm “is-sors tal-ħajja.”—Salm 36:9.

2 L-appostlu Pietru spjega li biex ikollna l-approvazzjoni taʼ Ġeħova, għandna bżonn nieħdu sehem f’“atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” (Aqra t-2 Pietru 3:11.) L-“atti taʼ kondotta” tagħna jkunu qaddisin biss jekk ngħixu ħajja nadifa b’kull mod. Dan jinkludi l-mod kif naħsbu, naġixxu, u nqimu lil Alla. Ukoll, għandna bżonn inwettqu “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla” motivati minn imħabba profonda u rispett għal Alla. Allura Alla ma jqisx biss l-azzjonijiet tagħna bħala li huma importanti imma wkoll il-mod kif inħossuna dwaru. Ġeħova ‘jeżamina l-qalb,’ u għalhekk jaf jekk l-azzjonijiet tagħna humiex qaddisin u jekk inqimux biss lilu.—1 Kron. 29:17.

3. Rigward ir-relazzjoni tagħna m’Alla, liema mistoqsijiet għandna nikkunsidraw?

3 Satana x-Xitan ma jridx li jkollna l-approvazzjoni t’Alla. Infatti, hu jagħmel kulma jistaʼ biex iġegħelna nabbandunaw ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Satana kontinwament juża l-gideb biex jipprova jqarraq bina ħalli nieqfu nqimu lil Ġeħova. (Ġw. 8:44; 2 Kor. 11:13-15) Għalhekk, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Satana kif iqarraq bin-nies? X’nistaʼ nagħmel biex nipproteġi r-relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova?’

 SATANA KIF IQARRAQ BIN-NIES?

4. Biex jipprova jeqred il-ħbiberija tagħna m’Alla, Satana x’jipprova jagħmel, u għala?

4 “Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-xewqa tiegħu stess,” jikteb id-dixxiplu Ġakbu. “Imbagħad, meta x-xewqa ssir fertili, tiled id-dnub; u meta d-dnub jitwettaq, iġib il-mewt.” (Ġak. 1:14, 15) Biex jeqred il-ħbiberija tagħna m’Alla, Satana jipprova jilħqilna qalbna, is-sors tax-xewqat tagħna.

5, 6. (a) Satana kif jipprova jinfluwenzalna qalbna? (b) Liema tliet affarijiet juża Satana biex ipoġġi xewqat ħżiena f’qalbna, u kemm jużahom tajjeb dawn l-affarijiet?

5 Satana kif jipprova jinfluwenzalna qalbna? “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin,” tgħid il-Bibbja. (1 Ġw. 5:19) L-armi taʼ Satana jinkludu “dak li hemm fid-dinja.” (Aqra l-1 Ġwanni 2:15, 16.) Għal eluf taʼ snin, ix-Xitan b’attenzjoni kbira ddisinja lil din id-dinja biex iqarraq bin-nies. Ladarba ngħixu f’din id-dinja, aħna rridu ngħassu kontra t-tattiki sottili tiegħu.—Ġw. 17:15.

6 Satana jipprova jpoġġi xewqat ħżiena f’qalbna. Biex jagħmel dan hu juża t-tliet affarijiet “li hemm fid-dinja” msemmijin mill-appostlu Ġwanni: (1) “ix-xewqa tal-laħam,” (2) “ix-xewqa taʼ l-għajnejn,” u (3) “l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja.” Satana uża dawn biex jittanta lil Ġesù fix-xagħri. Peress li ilu snin sħaħ jipprattika kif juża dawn in-nases, Satana llum jużahom b’mod effettiv, billi jadatta l-metodu tiegħu għall-ġibdiet taʼ kull persuna. Qabel ma nsiru nafu kif nipproteġu ruħna, ejja naraw kif ix-Xitan irnexxielu jqarraq b’Eva imma ma rnexxilux iqarraq bl-Iben t’Alla.

“IX-XEWQA TAL-LAĦAM”

“Satana uża “x-xewqa tal-laħam” biex iqarraq b’Eva (Ara paragrafu 7)

7. Satana kif uża “x-xewqa tal-laħam” biex jittanta lil Eva?

7 Il-bnedmin kollha jeħtieġu l-ikel biex jgħixu. Il-Ħallieq iddisinja l-art biex tipproduċi ħafna ikel. Satana għandu mnejn jipprova juża x-xewqa naturali tagħna għall-ikel biex jittantana nagħmlu xi ħaġa li ma togħġobx lil Alla. Ikkunsidra kif għamel hekk lil Eva. (Aqra Ġenesi 3:1-6.) Satana qal lil Eva li setgħet tiekol mill-frott tas-“siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin” mingħajr ma tmut, billi qal li dakinhar li tiekol minnu kienet se ssir bħal Alla. (Ġen. 2:9) Ix-Xitan b’hekk ta x’jifhem li Eva ma kellhiex għalfejn tkun ubbidjenti lejn Alla biex tgħix. X’gidba sfaċċata kienet din! Wara li x-Xitan daħħlilha din l-idea f’moħħha, hi kellha żewġ għażliet: Setgħet twarrab l-idea jew setgħet tibqaʼ thewden fuqha, u b’hekk  tħalli x-xewqa tagħha għall-frott tikber. Avolja setgħet tiekol mis-siġar kollha l-oħra, hi għażlet li tibqaʼ thewden fuq dak li qal Satana dwar is-siġra f’nofs il-ġnien u hi “ħadet mill-frott u kilitu.” B’hekk, Satana nissel fiha xewqa għal xi ħaġa li l-Ħallieq tagħha kien ipprojbixxa.

Ġesù qatt ma nesa x’kien l-iktar importanti (Ara paragrafu 8)

8. Billi uża “x-xewqa tal-laħam,” Satana kif ipprova jittanta lil Ġesù, u din it-tentazzjoni għala ma rnexxietx?

8 Satana uża tattika simili meta pprova jittanta lil Ġesù fix-xagħri. Wara li Ġesù kien sam għal 40 jum u 40 lejl, Satana pprova jittantah billi juża x-xewqa għall-ikel. “Jekk int bin Alla,” qal Satana, “għid lil din il-ġebla ssir ħobża.” (Lq. 4:1-3) Ġesù kellu żewġ għażliet: Setaʼ jagħżel li ma jużax il-qawwa mirakoluża tiegħu biex jissodisfa l-bżonn għall-ikel jew setaʼ jagħżel li jużaha. Ġesù kien jaf li ma kellux juża din il-qawwa għal skopijiet egoistiċi. Għalkemm kien bil-ġuħ, il-ħbiberija tiegħu m’Alla kienet iktar importanti għalih mill-ikel. “Hu miktub,” wieġeb Ġesù, “‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.’”—Mt. 4:4.

“IX-XEWQA TAʼ L-GĦAJNEJN”

9. L-espressjoni “x-xewqa taʼ l-għajnejn” x’tagħti x’jifhem, u Satana kif uża din it-tattika m’Eva?

9 Ġwanni semma wkoll “ix-xewqa taʼ l-għajnejn” bħala tattika oħra taʼ Satana. L-espressjoni tagħti x’jifhem li dak li jkun jistaʼ jibda jixxennaq għal xi ħaġa billi sempliċement iħares lejha. Satana uża din ix-xewqa biex iqarraq b’Eva u qal: “Għajnejkom jinfetħu.” Iktar ma Eva ħarset lejn il-frott projbit, iktar sar attraenti għaliha. Eva rat li s-siġra ‘kienet tiġbed l-għajn.”

10. Satana b’liema mod uża “x-xewqa taʼ l-għajnejn” biex jittanta lil Ġesù, u Ġesù kif wieġeb?

10 Xi ngħidu fil-każ taʼ Ġesù? Satana lil Ġesù “wrieh is-saltniet kollha taʼ l-art abitata f’ħakka t’għajn; u x-Xitan qallu: ‘Nagħtik l-awtorità fuq dawn kollha, u l-glorja tagħhom.’” (Lq. 4:5, 6) Dak li ra Ġesù ma kienx verament is-saltniet kollha tal-art, imma viżjoni tal-glorja tagħhom. Satana bilfors li ħass li Ġesù kien se jitħajjar b’dak li ra. B’tustaġni, Satana qal: “Jekk tagħmel att taʼ qima quddiemi, kollha tkun tiegħek.” (Lq. 4:7) Ġesù bl-ebda mod ma ried ikun it-tip taʼ persuna li Satana riedu jkun. Hu wieġbu minnufih, billi qal: “Hu miktub, ‘Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.’”—Lq. 4:8.

“L-IFFANFRAR BIL-MEZZI TAL-ĦAJJA”

11. Eva kif ġiet imqarrqa minn Satana?

11 Fl-aħħar, Ġwanni jsemmi “l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja.” Meta Adam u  Eva kienu l-uniċi bnedmin fuq l-art, naturalment ma setgħux ‘jiffanfraw bil-mezzi tal-ħajja’ quddiem nies oħra. Imma huma wrew il-kburija. Meta Satana ttanta lil Eva, hu ta x’jifhem li Alla kien ċaħħadha minn xi ħaġa meraviljuża. Ix-Xitan qalilha li dakinhar stess li tiekol “mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin,” hi kienet se ‘tkun bħal Alla, tagħraf it-tajjeb u l-ħażin.’ (Ġen. 2:17; 3:5) Satana b’hekk issuġġerixxa li Eva setgħet tkun indipendenti minn Ġeħova. Il-kburija għandha mnejn kienet raġuni waħda għala Eva emmnet din il-gidba. Hi kielet mill-frott projbit u ħasbet li ma kinitx se tmut. Kemm kienet żbaljata!

12. X’kien mod ieħor kif Satana pprova jittanta lil Ġesù, u Ġesù kif wieġeb?

12 B’kuntrast għal Eva, x’eżempju mill-isbaħ t’umiltà ħalla Ġesù! Satana pprova jittantah b’mod ieħor, imma Ġesù ċaħad saħansitra s-sempliċi ħsieb li jagħmel xi ħaġa drammatika li kienet se tgħaddi lil Alla minn prova. Dan kieku kien ikun att taʼ kburija! Minflok, it-tweġiba taʼ Ġesù kienet ċara u tonda: “Jingħad, ‘Tgħaddix lil Ġeħova Alla tiegħek minn prova.’”—Aqra Luqa 4:9-12.

KIF NISTGĦU NIPPROTEĠU R-RELAZZJONI TAGĦNA MAʼ ĠEĦOVA?

13, 14. Satana kif jipprova jqarraq bina llum?

13 Illum, Satana juża l-istess tattiki li uża fuq Eva u Ġesù. Hu juża “x-xewqa tal-laħam” biex iħajjar lin-nies jagħmlu xi ħaġa immorali jew biex jieklu u jixorbu żżejjed. Hu juża “x-xewqa taʼ l-għajnejn” biex iħajjar lin-nies jaraw il-pornografija, speċjalment fuq l-Internet. U juża x-xewqa tal-“iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja” biex jipprova jġiegħel lin-nies jitkabbru u jkunu jridu l-qawwa, il-fama, u iktar u iktar affarijiet materjali.

Liema prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuk f’dawn is-sitwazzjonijiet? (Ara paragrafi 13, 14)

14 “Dak li hemm fid-dinja” hu bħal lixka taʼ sajjied. Tiġbed l-għajn, imma mwaħħla maʼ kull lixka hemm sunnara. Satana juża affarijiet li n-nies għandhom mnejn iqisuhom bħala bżonnijiet normali taʼ kuljum biex iġegħelhom ikunu jridu jagħmlu dak li jmur kontra l-liġijiet t’Alla. Satana jridna nemmnu li hu iktar importanti li nieħdu ħsieb il-bżonnijiet persunali tagħna u li nagħmlu ħajjitna komda milli nagħmlu r-rieda t’Alla. Int se tiġi mqarraq minn Satana?

15. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù f’li nirreżistu t-tentazzjonijiet taʼ Satana?

 15 Għalkemm Eva ċediet għat-tentazzjonijiet taʼ Satana, Ġesù b’suċċess irreżistiehom. Kull darba, hu ta tweġiba mill-Iskrittura, billi qal: “Hu miktub” jew “Jingħad.” Jekk aħna studenti diliġenti tal-Bibbja, se nkunu midħla sew tal-Iskrittura u se nkunu kapaċi niftakru f’versi li jistgħu jgħinuna meta niġu ttantati. (Salm 1:1, 2) Li niftakru fl-eżempji taʼ qaddejja leali t’Alla se jgħinna biex nimitawhom. (Rum. 15:4) Aħna se niġu protetti jekk ikollna rispett profond għal Ġeħova, jiġifieri, jekk inħobbu dak li hu jħobb u nobogħdu dak li hu jobgħod.—Salm 97:10.

16, 17. “Il-qawwa tar-raġuni” tagħna kif tistaʼ teffettwa t-tip taʼ persuna li aħna?

16 L-appostlu Pawlu jinkuraġġina biex nużaw “il-qawwa tar-raġuni” tagħna ħalli nsiru t-tip taʼ persuna li taħseb kif jaħseb Ġeħova, mhux kif taħseb id-dinja. (Rum. 12:1, 2) Pawlu jfakkarna li għandna nikkontrollaw b’attenzjoni dak li naħsbu dwaru. Hu qal: “Qed inwaqqgħu r-raġunamenti u kull kburija li tqum kontra l-għarfien dwar Alla; u qed injassru kull ħsieb biex nagħmluh ubbidjenti lejn il-Kristu.” (2 Kor. 10:5) Il-ħsibijiet tagħna għandhom effett qawwi fuq x’tip taʼ persuna aħna, allura għandna bżonn ‘inkomplu naħsbu’ dwar affarijiet li jibnu.—Flp. 4:8.

17 Jekk irridu nkunu qaddisin, għandna niċħdu ħsibijiet u xewqat ħżiena. Għandna nħobbu lil Ġeħova b’“qalb nadifa.” (1 Tim. 1:5) Imma l-qalb hi qarrieqa, u għandna mnejn lanqas nindunaw kemm ikun qed jeffettwana “dak li hemm fid-dinja.” (Ġer. 17:9) Allura hu importanti li nsegwu l-parir taʼ Pawlu: “Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-fidi, ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.” Hekk kif nistudjaw il-Bibbja, għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Il-ħsibijiet u x-xewqat tiegħi jogħġbuh lil Alla?’—2 Kor. 13:5.

18, 19. Għala għandna nkunu determinati li nkunu t-tip taʼ persuna li Ġeħova jridna nkunu?

18 Xi ħaġa oħra li tgħinna nirreżistu “dak li hemm fid-dinja” hi li nżommu f’moħħna l-kliem imnebbaħ taʼ Ġwanni: “Id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġw. 2:17) Is-sistema taʼ Satana tidher li hi permanenti. Minkejja dan, xi darba se tispiċċa. Il-fatt li niftakru li kull ħaġa f’din id-dinja dalwaqt se tgħib se jgħinna biex ma nitqarrqux minn Satana.

19 L-appostlu Pietru jħeġġiġna biex inkunu t-tip taʼ persuna li Alla japprova hekk kif ‘nistennew u nżommu dejjem f’moħħna l-preżenza tal-jum taʼ Ġeħova, jum li permezz tiegħu s-smewwiet jinħallu għax ikunu jaqbdu bin-nar, u l-elementi tant ikunu jikwu li jdubu!’ (2 Pt. 3:12) Dan il-jum dalwaqt jasal u Ġeħova se jeqred kull parti mid-dinja taʼ Satana. Sadanittant, Satana se jkompli juża “dak li hemm fid-dinja” biex jittantana, bħalma ttanta kemm lil Eva kif ukoll lil Ġesù. M’għandniex inkunu bħal Eva u nfittxu li nissodisfaw ix-xewqat tagħna stess. Jekk nagħmlu hekk inkunu bħallikieku qed nagħmlu lil Satana l-alla tagħna. Aħna rridu nkunu bħal Ġesù u nirreżistu dawn it-tentazzjonijiet, minkejja kemm Satana jagħmilhom jidhru sbieħ. Jalla kull wieħed minna jkun determinat li jkun it-tip taʼ persuna li Ġeħova jridna nkunu.