Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Tagħdabx Kontra Ġeħova’

‘Tagħdabx Kontra Ġeħova’

“Hija l-bluha tal-bniedem li tgħawwiġlu triqtu, u b’hekk qalbu tagħdab kontra Ġeħova nnifsu.”—PROV. 19:3.

1, 2. Għala m’għandniex inwaħħlu f’Ġeħova għall-problemi li hawn fuq l-art? Agħti tixbiha.

EJJA ngħidu li int raġel kuntent ħafna fiż-żwieġ tiegħek. Imma darba minnhom meta tmur lura d-dar, issib li kulma għandek fid-dar inqaleb taʼ taħt fuq. L-għamara u l-platti ġew imkissrin, u t-tapit ġie rovinat. Id-dar sabiħa tiegħek saret diżastru. F’min se twaħħal? Se tgħid, “Għaliex marti għamlet dan?” Jew hemm iktar ċans li ssaqsi, “Min għamel dan?” Bla dubju, it-tieni mistoqsija se tiġik mill-ewwel f’moħħok. Għala? Għax int taf li l-maħbuba martek qatt mhi se tkisser darek.

2 Illum naraw l-art imħassra bit-tinġis, il-vjolenza, u l-immoralità. Bħala studenti tal-Bibbja, aħna nafu li żgur mhuwiex Ġeħova li jikkaġuna dawn il-problemi kollha. Hu ħalaq l-art biex tkun ġenna tal-art sabiħa għalina. (Ġen. 2:8, 15) Ġeħova hu Alla taʼ mħabba. (1 Ġw. 4:8) L-istudju tagħna tal-Iskrittura għenna nagħrfu l-kaġun veru taʼ ħafna minn dawn id-diffikultajiet. Mhu ħadd ħlief Satana x-Xitan, “il-ħakkiem tad-dinja.”—Ġw. 14:30; 2 Kor. 4:4.

3. Il-ħsieb tagħna kif jistaʼ jiġi mgħawweġ?

3 Madankollu, ma nistgħux inwaħħlu f’Satana għall-problemi kollha tagħna. Għala le? Għax xi ftit minnhom huma r-riżultat tal-iżbalji tagħna stess. (Aqra Dewteronomju 32:4-6.) Għalkemm forsi nammettu dan il-fatt, l-imperfezzjoni tagħna tistaʼ tgħawweġ il-ħsieb tagħna u ġġegħelna naqbdu triq li eventwalment twassalna għal diżastru. (Prov. 14:12) B’liema mod? Minflok ma nwaħħlu fina nfusna jew f’Satana għal xi problema, nistgħu nibdew inwaħħlu f’Ġeħova. Saħansitra nistgħu ‘nagħdbu kontra Ġeħova nnifsu.’—Prov. 19:3.

4, 5. Kristjan kif jistaʼ ‘jagħdab kontra Ġeħova’?

4 Huwa verament possibbli li ‘nagħdbu kontra Ġeħova’? Li nagħmlu hekk ikun żgur għalxejn. (Is.  41:11) M’għandna l-ebda ċans li nirbħu ġlieda kontra Ġeħova. Huwa minnu li forsi qatt ma ngħidu li aħna rrabjati maʼ Ġeħova. Imma Proverbji 19:3 jgħid li l-bluha taʼ bniedem “tgħawwiġlu triqtu” u li “qalbu tagħdab kontra Ġeħova.” Iva, individwu għandu mnejn jagħdab kontra Alla f’qalbu. Din l-attitudni tistaʼ tidher b’modi sottili. Biex ngħidu hekk, individwu jistaʼ jżomm f’qalbu kontra Ġeħova. B’hekk, dan l-individwu għandu mnejn ma jibqax jattendi l-laqgħat jew ma jibqax jappoġġa l-arranġamenti tal-qima taʼ Ġeħova bis-sħiħ.

5 X’jistaʼ jġegħelna ‘nagħdbu kontra Ġeħova’? Kif nistgħu nevitaw din in-nassa? Għandna bżonn inkunu nafu t-tweġibiet taʼ dawn il-mistoqsijiet ħalli nkunu nistgħu nipproteġu r-relazzjoni li għandna m’Alla Ġeħova!

X’JISTAʼ JĠEGĦELNA ‘NAGĦDBU KONTRA ĠEĦOVA’?

6, 7. L-Iżraelin fi żmien Mosè għala bdew igergru kontra Ġeħova?

6 X’jistaʼ jġiegħel lil qaddej leali taʼ Ġeħova jibda jgerger kontra Alla f’qalbu? Ejja nikkunsidraw ħames affarijiet u nanalizzaw eżempji Bibliċi li jenfasizzaw kif xi wħud fil-passat waqgħu f’din in-nassa.—1 Kor. 10:11, 12.

Diskors negattiv jistaʼ jeffettwak ħażin (Ara paragrafu 7)

7 Il-kliem negattiv t’oħrajn jistaʼ jinfluwenzana. (Aqra Dewteronomju 1:26-28.) L-Iżraelin kienu għadhom kif inħelsu mill-jasar fl-Eġittu. Mirakolożament, Ġeħova kien ġab għaxar kastigi fuq dan il-ġens aħrax u wara dan qered lill-Fargħun u lill-qawwa militari tiegħu fil-Baħar l-Aħmar. (Eżo. 12:29-32, 51; 14:29-31; Salm 136:15) Il-poplu t’Alla kien lest biex jidħol fl-Art Imwiegħda. Madankollu, f’dan il-mument kruċjali, l-Iżraelin bdew igergru kontra Ġeħova. X’ġiegħel biex ikun hemm dan in-nuqqas taʼ fidi? Għaxar spiji taw rapport ħażin lill-Iżraelin u dan skuraġġiehom u beżżagħhom. (Num. 14:1-4) Minħabba f’hekk, ġenerazzjoni sħiħa ma tħallietx tidħol f’din “l-art tajba.” (Dt. 1:34, 35) Jistaʼ jkun li ġieli nħallu l-kliem negattiv t’oħrajn idgħajfilna l-fidi u jġegħelna ngergru kontra l-mod kif jittratta magħna Ġeħova?

8. X’ġiegħel lill-poplu t’Alla fi żmien Isaija jwaħħal f’Ġeħova għas-sitwazzjoni tiegħu?

8 Traġedji u diffikultajiet jistgħu jiskuraġġuna. (Aqra Isaija 8:21, 22.) Fi żmien Isaija, il-ġens taʼ Ġuda kien qed ibati. Huma kienu mdawrin bl-għedewwa. L-ikel kien skars. Ħafna kienu bil-ġuħ. Imma agħar minn hekk, kien hemm ġuħ spiritwali. (Għam. 8:11) Minflok ma talbu għall-għajnuna taʼ Ġeħova, huma waħħlu fih u fis-sultan għall-problemi tagħhom. Jekk aħna għaddejjin minn xi traġedja jew problemi personali, nistgħu bl-istess mod ngħidu f’qalbna, ‘Fejn kien Ġeħova meta kelli bżonnu?’

9. L-Iżraelin fi żmien Eżekjel għala kellhom attitudni ħażina dwar il-mod kif Ġeħova jagħmel l-affarijiet?

9 Ma nafux il-fatti kollha. Minħabba li ma kellhomx il-fatti kollha, l-Iżraelin fi żmien Eżekjel ħassew li l-mod kif Ġeħova jagħmel l-affarijiet ‘mhuwiex ġust.’ (Eżek. 18:29) Huma aġixxew bħallikieku kellhom id-dritt jiġġudikaw ’l Alla u jiddeċiedu jekk kienx qed jagħmel l-affarijiet bl-aħjar mod, avolja ma kinux fehmu r-raġunijiet kollha tiegħu. Jekk kultant ma nifhmux għalkollox rakkont Bibliku jew għala qed jiġru ċerti affarijiet f’ħajjitna, jistaʼ jkun li f’qalbna nħossu li l-mod taʼ Ġeħova ‘mhuwiex ġust’?—Ġob 35:2.

10. Kif jistaʼ xi ħadd isegwi l-eżempju ħażin t’Adam?

10 Inwaħħlu f’Alla għad-dnubiet u  l-iżbalji tagħna. Mill-bidu nett tal-istorja tal-bniedem, Adam waħħal f’Alla għad-dnub tiegħu. (Ġen. 3:12) Għalkemm Adam kien jaf li kien qed jikser il-liġi t’Alla u li Alla kien se jikkastigah għal dnubu, hu waħħal f’Ġeħova. Hu bħallikieku qal li Ġeħova kien tah mara ħażina. Minn dakinhar, oħrajn segwew l-eżempju t’Adam u waħħlu f’Alla għall-iżbalji tagħhom stess. Għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Jistaʼ jkun li tant inkun diżappuntat u frustrat dwar l-iżbalji tiegħi li nibda naħseb li l-livelli taʼ Ġeħova huma stretti wisq?’

11. X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn Ġona?

11 Nibdew naħsbu biss dwarna nfusna. Il-profeta Ġona kien irrabjat meta Ġeħova wera ħniena mal-poplu taʼ Ninwe. (Ġona 4:1-3) Għala? Hu kien qed jibżaʼ li kienu se jibdew jaħsbu li kien profeta falz minħabba li l-belt ma kinitx inqerdet bħalma kien qal. Milli jidher, Ġona kien iktar imħasseb dwar x’jaħsbu n-nies fuqu milli kien imħasseb dwar il-poplu nnifsu. Jistaʼ jkun li nħossuna bħal Ġona? Jekk naħsbu biss dwarna nfusna, għandna mnejn ninsew il-bżonnijiet taʼ nies oħrajn. Pereżempju, forsi ilna nippritkaw għal ħafna snin li l-jum taʼ Ġeħova hu fil-qrib. Imma meta oħrajn jikkritikawna minħabba li dan il-jum għadu ma wasalx, jistaʼ jkun li nitilfu l-paċenzja maʼ Ġeħova?—2 Pt. 3:3, 4, 9.

KIF NISTGĦU NEVITAW LI ‘NAGĦDBU KONTRA ĠEĦOVA’?”

12, 13. Jekk f’qalbna nibdew niddubitaw xi ftit mill-attivitajiet taʼ Ġeħova, x’m’għandniex nittraskuraw?

12 X’nistgħu nagħmlu jekk il-qalb midinba tagħna tibda tiddubita xi ftit mill-attivitajiet taʼ Ġeħova? Ftakar li ma jkunx għaqli li tagħmel hekk. Traduzzjoni oħra taʼ Proverbji 19:3 tgħid: “Bi bluhatu l-bniedem jgħarraq ħajtu, u mbagħad jeħodha kontra l-Mulej.” (Il-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija, It-Tielet Edizzjoni) Mela ejja naħsbu fuq ħames affarijiet li jgħinuna biex qatt ma nirrabjaw maʼ Ġeħova.

 13 Tittraskurax ir-relazzjoni li għandek maʼ Ġeħova. Nistgħu nevitaw it-tendenza imperfetta taʼ li nagħdbu kontra Alla jekk inżommu relazzjoni mill-qrib miegħu. (Aqra Proverbji 3:5, 6.) Hemm bżonn li nafdaw f’Ġeħova. Qatt m’għandna naħsbu li nafu aħjar minnu jew li l-bżonnijiet tagħna huma l-iktar importanti. (Prov. 3:7; Ekk. 7:16) Imbagħad aktarx li jkun hemm inqas ċans li nwaħħlu f’Ġeħova meta jiġrulna affarijiet ħżiena.

14, 15. X’se jgħinna biex ma niġux effettwati mid-diskors negattiv t’oħrajn?

14 Tħallix diskors negattiv jeffettwak. L-Iżraelin fi żmien Mosè kellhom ħafna raġunijiet biex jemmnu li Ġeħova kien se jgħinhom jidħlu fl-Art Imwiegħda. (Salm 78:43-53) Imma meta ffaċċjaw ir-rapport negattiv tal-għaxar spiji li ma kinux leali, “ma ftakrux f’idu,” jiġifieri kienu nsew dak li kien għamel magħhom Ġeħova. (Salm 78:42) Jekk nimmeditaw fuq l-attivitajiet taʼ Ġeħova, billi niftakru fl-affarijiet tajbin kollha li għamlilna, se nsaħħu r-relazzjoni li għandna miegħu. B’hekk, mhux se nħallu l-ideat negattivi t’oħrajn jiżirgħu l-firda bejnna u bejn Ġeħova.—Salm 77:11, 12.

15 Xi ngħidu jekk għandna attitudni negattiva lejn l-aduraturi sħabna? F’ċirkustanzi bħal dawn, ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova tistaʼ tiġi effettwata. (1 Ġw. 4:20) Meta l-Iżraelin iddubitaw mill-ħatra u l-pożizzjoni taʼ Aron, Ġeħova qies din l-azzjoni bħala tgergir kontra Tiegħu. (Num. 17:10) B’mod simili, jekk ingergru kontra dawk l-uħud li juża Ġeħova biex jidderieġi x-xogħol tiegħu fuq l-art, jistaʼ jkun li nkunu qed ingergru kontra Ġeħova.—Ebr. 13:7, 17.

16, 17. X’hemm bżonn niftakru meta jkollna l-problemi?

16 Ftakar li Ġeħova ma jikkaġunalniex il-problemi tagħna. Fi żmien Isaija, l-Iżraelin kienu waqfu jaqdu lil Ġeħova, imma Hu xorta ried jgħinhom. (Is. 1:16-19) Tkun xi tkun il-problema li għandna mnejn niffaċċjaw, nistgħu nsibu faraġ f’li nkunu nafu li Ġeħova jieħu ħsiebna u jrid jgħinna. (1 Pt. 5:7) Fil-fatt, iwiegħed li jipprovdilna s-saħħa meħtieġa biex inkomplu nissaportu.—1 Kor. 10:13.

17 Jekk qed inbatu xi tip taʼ inġustizzja—saħansitra bħalma sofra r-raġel leali Ġob—hemm bżonn infakkru lilna nfusna li Ġeħova mhuwiex il-kaġun tal-inġustizzja. Ġeħova jobgħod l-inġustizzja; hu jħobb is-sewwa. (Salm 33:5) Bħal Eliħu, il-ħabib taʼ Ġob, jalla nammettu: “Ma jistax ikun li l-Alla l-veru jaġixxi bil-ħażen, u li Dak li Jistaʼ Kollox jaġixxi b’mod inġust!” (Ġob 34:10) Minflok ma jikkaġunalna l-problemi, Ġeħova jagħtina “kull għotja tajba u kull rigal perfett.”—Ġak. 1:13, 17.

18, 19. Għala m’għandna qatt niddubitaw minn Ġeħova? Agħti tixbiha.

18 Qatt tiddubita minn Ġeħova. Alla hu perfett u ħsibijietu huma ogħla minn tagħna. (Is. 55:8, 9) Allura l-umiltà u l-modestja għandhom jgħinuna nammettu li l-fehma tagħna hi limitata. (Rum. 9:20) Huwa rari li jkollna l-fatti kollha dwar xi sitwazzjoni. Bla dubju, int esperjenzajt il-verità taʼ dan il-proverbju: “L-ewwel wieħed li jesprimi l-każ tiegħu jidher li qiegħed fis-sewwa, sakemm jidħol għajru u jgħarblu.”—Prov. 18:17.

19 Jekk għandna ħabib tal-qalb li jagħmel xi ħaġa li forsi għall-ewwel ma nifhmuhiex jew inħossu li mhix normali, se nkunu ħfief biex nakkużawh b’xi għemil ħażin? Jew se nkunu lesti li nagħtu lil ħabibna l-benefiċċju tad-dubju, speċjalment jekk ilna nafu lil din il-persuna  għal ħafna snin? Jekk nittrattaw maʼ ħbiebna imperfetti bi mħabba bħal din, mela kemm iktar għandna nkunu lesti li nafdaw lil Missierna tas-sema, li l-modi u l-ħsibijiet tiegħu huma ħafna ogħla minn tagħna!

20, 21. Għala hu importanti li nitfgħu l-ħtija fuq min suppost?

20 Itfaʼ l-ħtija fuq min suppost. Hemm bżonn nirrealizzaw li aħna nikkaġunaw xi ftit mill-problemi tagħna stess. (Gal. 6:7) M’għandniex nitfgħu l-ħtija fuq Ġeħova għalihom. Għala le? Ikkunsidra dan l-eżempju: Karozza jistaʼ jkollha kapaċità li tiġri b’veloċità kbira. Immaġina li sewwieq jaqbeż sew il-veloċità rikkmandata f’liwja kerha u jaħbat. Għandu jeħel il-manifattur tal-karozza għall-inċident? Dażgur li le! B’mod simili, Ġeħova ħalaqna bil-libertà tal-għażla. Imma pprovdielna wkoll gwida dwar kif nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Allura għala għandna nwaħħlu fil-Ħallieq tagħna għall-iżbalji tagħna stess?

21 Ovvjament, mhux il-problemi kollha tagħna huma riżultat tal-iżbalji personali u l-azzjonijiet ħżiena tagħna. Xi affarijiet jiġru minħabba “ż-żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin.” (Ekk. 9:11) Ukoll, qatt tinsa li Satana x-Xitan huwa l-kaġun ewlieni tal-ħażen. (1 Ġw. 5:19; Riv. 12:9) Satana hu l-għadu—mhux Ġeħova!—1 Pt. 5:8.

GĦOŻŻ IR-RELAZZJONI PREZZJUŻA LI GĦANDEK MAʼ ĠEĦOVA

Ġożwè u Kaleb tbierku talli wrew fiduċja f’Ġeħova (Ara paragrafu 22)

22, 23. X’għandna niftakru jekk niskuraġġixxu ruħna minħabba l-problemi tagħna?

22 Meta tkun għaddej minn problemi diffiċli, ftakar fl-eżempju taʼ Ġożwè u Kaleb. Kuntrarju għall-għaxar spiji l-oħra, dawn iż-żewġt irġiel leali ġabu rapport tajjeb. (Num. 14:6-9) Huma wrew fidi f’Ġeħova. Minkejja dan, kellhom jiġġerrew fix-xagħri għal 40 sena mal-kumplament tal-Iżraelin. Gergru jew imtlew bl-imrar Ġożwè u Kaleb minħabba li ma kienx jistħoqqilhom li jiġu kkastigati? Le. Huma fdaw f’Ġeħova. Ġew imberkin? Dażgur! Għalkemm il-maġġorparti minn dawn l-Iżraelin mietu fix-xagħri, Ġeħova ppermetta li Ġożwè u Kaleb jidħlu fl-Art Imwiegħda. (Num. 14:30) B’mod simili, aħna se nirċievu l-barka taʼ Ġeħova jekk “ma negħjewx” nagħmlu r-rieda tiegħu.—Gal. 6:9; Ebr. 6:10.

23 X’għandek tagħmel jekk tħossok skuraġġit minħabba l-problemi, l-imperfezzjonijiet t’oħrajn, jew l-imperfezzjonijiet tiegħek stess? Iffoka fuq il-kwalitajiet meraviljużi taʼ Ġeħova. Ġib quddiem għajnejk it-tama li tak Ġeħova. Saqsi lilek innifsek, ‘Fejn inkun mingħajr Ġeħova?’ Ibqaʼ dejjem qrib tiegħu, u qatt tħalli lil qalbek tagħdab kontrih!