Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xogħol ta’ Pijunier Isaħħaħ ir-Relazzjoni li Għandna m’Alla

Ix-Xogħol ta’ Pijunier Isaħħaħ ir-Relazzjoni li Għandna m’Alla

“Tajjeb li ngħannu lil Alla tagħna.” —SALM 147:1.

1, 2. (a) X’jistaʼ jiġri meta naħsbu u nitkellmu dwar xi ħadd li nħobbu? (Ara l-istampa tal-bidu.) (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

META naħsbu u nitkellmu dwar xi ħadd li nħobbu, il-ħbiberija li jkollna maʼ dik il-persuna tissaħħaħ. L-istess hu minnu rigward il-ħbiberija li għandna m’Alla Ġeħova. Bħala ragħaj, David qattaʼ ħafna ljieli jħares lejn l-istilel u jimmedita fuq kemm il-Ħallieq tagħhom hu meraviljuż. Hu kiteb: “Meta nara s-smewwiet tiegħek, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int ħejjejt, x’inhu l-bniedem mortali biex iżżommu f’moħħok, u bin il-bniedem biex tieħu ħsiebu?” (Salm 8:3, 4) U wara li kkunsidra kif l-iskop taʼ Ġeħova rigward Iżrael spiritwali kien qed jitwettaq b’mod tal-għaġeb, l-appostlu Pawlu qal: “O kemm huma profondi r-rikkezzi u l-għerf u l-għarfien t’Alla!”—Rum. 11:17-26, 33.

2 Hekk kif nieħdu sehem fil-ministeru, aħna naħsbu u nitkellmu dwar Ġeħova. Dan minnu nnifsu għandu effetti pożittivi. Ħafna pijunieri ħassew li l-imħabba tagħhom għal Alla kibret saħansitra iktar minħabba li jistgħu jqattgħu iktar ħin fil-ministeru. Dan l-artiklu se jgħin kemm lill-pijunieri u kemm lil dawk li jridu jsiru pijunieri sabiex jaħsbu sew fuq dawn il-mistoqsijiet: Il-ministeru full-time kif jistaʼ jsaħħaħ ir-relazzjoni li għandek maʼ Ġeħova? Jekk int pijunier, saqsi lilek innifsek, ‘X’se jgħinni nkompli f’dan is-servizz speċjali?’ Jekk għadek ma bdejtx tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier, saqsi, ‘X’aġġustamenti nistaʼ nagħmel biex nibda dan ix-xogħol?’ Ejja nikkunsidraw modi kif is-servizz full-time jistaʼ jsaħħaħ ir-relazzjoni tagħna m’Alla.

 KIF IX-XOGĦOL TAʼ PIJUNIER ISAĦĦAĦ IR-RELAZZJONI LI GĦANDNA M’ALLA

3. Fil-ministeru, kif niġu effettwati meta nitkellmu dwar il-barkiet futuri tas-Saltna?

3 Aħna nersqu eqreb lejn Ġeħova meta niddiskutu l-barkiet futuri tas-Saltna m’oħrajn. Liema skrittura tħobb tuża meta tmur minn dar għal dar? Forsi l-favorita tiegħek hi Salm 37:10, 11; Danjel 2:44; Ġwanni 5:28, 29; jew Rivelazzjoni 21:3, 4. Kull darba li nitkellmu dwar dawn il-wegħdi m’oħrajn, aħna niġu mfakkrin li “kull għotja tajba u kull rigal perfett” jiġi mingħand l-Alla ġeneruż tagħna, Ġeħova. Dan iressaqna eqreb lejh.—Ġak. 1:17.

4. Għala nsiru saħansitra iktar grati għat-tjubija t’Alla meta nippritkaw lil oħrajn?

4 Meta naraw kemm il-maġġorparti tan-nies huma mdejqin u bla għajnuna, insiru saħansitra iktar grati għall-verità. In-nies fid-dinja m’għandhom l-ebda gwida taʼ min joqgħod fuqha biex tgħinhom jiksbu suċċess veru u kuntentizza. Ħafna minnhom jinkwetaw dwar il-futur u m’għandhomx tama. Huma jfittxu għat-tifsir tal-ħajja. Anki l-biċċa l-kbira taʼ dawk li huma reliġjużi għandhom ftit li xejn għarfien tal-Iskrittura. Huma jixbhu ħafna lin-nies taʼ Ninwe tal-qedem. (Aqra Ġona 4:11.) Meta nżidu fil-ministeru, naraw iktar il-kuntrast li hemm bejn il-kundizzjoni spiritwali taʼ dawk li nippritkawlhom u dik tal-poplu taʼ Ġeħova. (Is. 65:13) Imma Ġeħova mhux biss jieħu ħsieb il-bżonnijiet tan-nies tiegħu. Hu jagħti lil kulħadd ċans biex jitfarraġ u biex ikollu tama vera. Dan ifakkarna kemm Ġeħova tassew hu tajjeb.—Riv. 22:17.

5. Li ngħinu lil oħrajn spiritwalment kif iġegħelna nħossuna dwar il-problemi tagħna stess?

5 Meta ngħallmu lil oħrajn il-verità, nitgħallmu ma ninkwetawx iżżejjed dwar il-problemi tagħna stess. Trisha, pijuniera regulari, tgħid li kienet imnikkta ferm meta l-ġenituri tagħha ddivorzjaw. Darba minnhom kienet imdejqa ħafna u ma kellhiex aptit toħroġ fil-ministeru. Imma xorta waħda marret tikkonduċi studju tal-Bibbja. L-istudju kien maʼ tlett itfal li kienu qed jikbru ġo familja b’ħafna problemi. Missierhom kien abbandunahom, u ħuhom il-kbir kien abbużahom. Trisha tgħid: “Kwalunkwe problema jew uġigħ taʼ qalb li kont qed niffaċċja ma kien xejn meta mqabbel maʼ tagħhom. Matul l-istudju, għajnejhom kienu jixegħlu u t-tfal kienu jidħqu b’eċċitament u ferħ. Dawn kienu għotja mingħand Ġeħova, speċjalment f’dik il-ġurnata.”

6, 7. (a) Il-fidi tagħna kif tissaħħaħ meta ngħallmu veritajiet mill-Bibbja? (b) Hekk kif nosservaw studenti tal-Bibbja jkollhom ħajja aħjar billi japplikaw prinċipji Skritturali, x’jiġri mill-apprezzament tagħna għall-għerf t’Alla?

6 Meta ngħallmu l-veritajiet tal-Bibbja lil oħrajn, il-fidi tagħna fihom tissaħħaħ. L-appostlu Pawlu kiteb dwar xi Lhud taʼ żmienu li naqsu milli jipprattikaw dak li għallmu: “Int, . . . li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek?” (Rum. 2:21) Il-pijunieri normalment għandhom bosta opportunitajiet biex jgħallmu l-verità lil oħrajn u jikkonduċu studji tal-Bibbja. Biex jagħmlu dan b’mod effettiv hemm bżonn li jippreparaw għal kull studju u forsi jagħmlu riċerka biex iwieġbu l-mistoqsijiet. Pijuniera jisimha Janeen tispjega li kull darba li tgħallem il-verità lil oħrajn, il-fidi tagħha stess f’dawn il-veritajiet tissaħħaħ.”

7 Meta naraw li l-prinċipji Bibliċi jgħinu l-istudenti tagħna jkollhom ħajja aħjar, aħna napprezzaw saħansitra iktar l-għerf t’Alla. (Is. 48:17, 18) Dan iġegħelna nkunu rridu nkomplu napplikaw dawn il-prinċipji f’ħajjitna stess. Adrianna, pijuniera oħra, tgħid: “Il-ħajja tan-nies tistaʼ tkun diżastru meta jistrieħu fuq fehmithom  stess.” Imma meta jibdew jistrieħu fuq l-għerf t’Alla, il-benefiċċji jibdew minnufih. B’mod simili, pijunier jismu Phil jgħid li jiskanta meta jara kif in-nies jistgħu jbiddlu ħajjithom bl-għajnuna taʼ Ġeħova.”

8. Kif niġu megħjuna meta naħdmu maʼ ħutna fil-ministeru?

8 Aħna niġu inkuraġġiti meta naħdmu maʼ ħutna fil-ministeru. (Prov. 13:20) Il-maġġorparti tal-pijunieri jqattgħu ħafna ħin fil-ministeru maʼ ħuthom. Dan jagħti iktar lok biex “ninkuraġġixxu lil xulxin.” (Rum. 1:12; aqra Proverbji 27:17.) Pijuniera jisimha Lisa tosserva: “Fejn naħdem spiss ikun hemm spirtu taʼ kompetizzjoni u għira. Kuljum ikollok tismaʼ tqasqis u kliem baxx. Moħħhom biex ikunu minn taʼ quddiem akkost taʼ kollox. Kultant tkun irridikolat jew imwaqqaʼ għaċ-ċajt minħabba l-kondotta Kristjana tiegħek. Però, meta naħdem fil-ministeru maʼ sħabi l-Kristjani nħossni ninbena tassew. Fl-aħħar tal-ġurnata, inkun kemm inkun għajjiena, nasal id-dar inkuraġġita.”

9. Ix-xogħol taʼ pijunier mas-sieħeb jew is-sieħba tagħna fiż-żwieġ x’jistaʼ jagħmel għall-ħabel bi tlieta taż-żwieġ?

9 Il-ħabel bi tlieta taż-żwieġ jissaħħaħ meta nagħmlu x-xogħol taʼ pijunier mas-sieħeb jew is-sieħba tagħna fiż-żwieġ. (Ekk. 4:12) Madeline, li taqdi bħala pijuniera maʼ żewġha, tispjega: “Jien u żewġi nistgħu noqogħdu nitkellmu dwar il-ġurnata tagħna fil-ministeru jew dwar xi ħaġa mill-qari tagħna tal-Bibbja li tistaʼ tiġi applikata fil-ministeru tagħna. Kull sena li nagħmlu x-xogħol taʼ pijunier flimkien, aħna nersqu eqreb lejn xulxin.” B’mod simili, Trisha tgħid li hi u żewġha qablu li ma jixtrux affarijiet li ma jaffordjawx.  B’hekk ma jiġġildux fuq il-flus. Barra minn hekk, jagħmlu ż-żjajjar lura u jikkonduċu l-istudji tal-Bibbja tagħhom flimkien. Dan għen biex iż-żwieġ tagħhom jissaħħaħ saħansitra iktar.”

Meta nkunu attivi fis-servizz full-time, jistaʼ jkollna ħajja sodisfaċenti (Ara paragrafu 9)

10. Il-fiduċja tagħna f’Ġeħova kif tiġi effettwata meta npoġġu s-Saltna l-ewwel u nesperjenzaw l-appoġġ t’Alla?

10 Il-fiduċja tagħna f’Ġeħova tiżdied hekk kif inpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel, nesperjenzaw l-appoġġ taʼ Ġeħova, u narawh iwiġbilna t-talb tagħna. Sa ċertu punt, dan jgħodd għall-Kristjani leali kollha. Imma dawk fis-servizz full-time jaraw li meta jistrieħu fuq Ġeħova, hu jkun jistaʼ jgħinhom jibqgħu pijunieri. (Aqra Mattew 6:30-34.) Curt, li hu pijunier u sostitut għall-indokratur tas-circuit, aċċetta li jżur kongregazzjoni li kienet sagħtejn u nofs ʼil bogħod mid-dar tiegħu. Hu u martu, li hi pijuniera wkoll, kellhom biżżejjed fjuwil biex jaslu sal-kongregazzjoni imma mhux biżżejjed biex imorru lura d-dar, u kien baqaʼ ġimgħa għall-paga. Curt jgħid, “Bdejt niddubita jekk kontx ħadt id-deċiżjoni t-tajba.” Wara li talbu, iddeċidew li jaċċettaw l-inkarigu, b’fiduċja li Ġeħova kien se jieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom. Hekk kif kienu se jitilqu, oħt żarithom u qalet li kellha rigal għalihom. Kien eżatt l-ammont taʼ flus li kellhom bżonn biex jagħmlu l-vjaġġ kollu. Curt jgħid, “Meta jkollok esperjenza bħal din għal darba wara l-oħra, ikun faċli li tara id Ġeħova.”

11. X’inhuma xi barkiet li jesperjenzaw il-pijunieri?

11 Il-pijunieri spiss jgħidu li iktar ma jersqu qrib lejn Alla u iktar ma jaħdmu fis-servizz tiegħu, iktar ikollhom barkiet. (Dt. 28:2) Madankollu, ix-xogħol taʼ pijunier għandu l-isfidi tiegħu. Ilkoll insofru minħabba l-imperfezzjoni u minħabba din id-dinja mill-agħar. Għalkemm xi pijunieri kellhom jieqfu mis-servizz tagħhom għal xi żmien, l-isfidi spiss jistgħu jiġu kkontrollati jew saħansitra evitati. X’jistaʼ jgħin lill-pijunieri jkomplu jieħdu pjaċir fis-servizz speċjali tagħhom?

KIF TIBQAʼ FIS-SERVIZZ FULL-TIME

12, 13. (a) Pijunier x’għandu jagħmel jekk qed isibha diffiċli biex ilaħħaq mas-sigħat? (b) Għala hu daqshekk importanti li twarrab il-ħin biex taqra l-Bibbja kuljum, tagħmel l-istudju personali, u timmedita?

12 Il-biċċa l-kbira tal-pijunieri għandhom skeda mimlija daqs bajda. Jistaʼ jkun diffiċli biex ilaħħqu maʼ kollox, allura huwa importanti li jkun hemm organizzar tajjeb. (1 Kor. 14:33, 40) Jekk pijunier qed isibha diffiċli biex ilaħħaq mas-sigħat, għandu mnejn li jkollu bżonn jerġaʼ jeżamina kif qed juża ħinu. (Efes. 5:15, 16) Għandu mnejn isaqsi: ‘Qed inqattaʼ wisq ħin fir-rikreazzjoni? Għandi bżonn niddixxiplina iktar lili nnifsi? Nistaʼ naġġusta l-iskeda tax-xogħol tiegħi?’ Kwalunkwe Kristjan se jammetti kemm hu faċli li jżid affarijiet oħra mal-iskeda tiegħu; b’hekk, dawk li qegħdin fis-servizz full-time jeħtieġu jsaqsu lilhom infushom dawn il-mistoqsijiet regolarment u jagħmlu l-aġġustamenti jekk ikun hemm bżonn.

13 Il-qari tal-Bibbja taʼ kuljum, l-istudju personali, u l-meditazzjoni għandhom ikunu parti mill-iskeda taʼ pijunier. Għalhekk, pijunier għandu bżonn jiddixxiplina lilu nnifsu ħalli attivitajiet inqas importanti ma jiħdulux mill-ħin li warrab għall-affarijiet neċessarji. (Flp. 1:10) Pereżempju, immaġina pijunier li ġej lura wara ġurnata twila mill-ministeru. Hu biħsiebu li dik il-lejla jipprepara għal-laqgħa li jmiss. Imma l-ewwel, hu jara l-posta. Imbagħad jixgħel il-kompjuter u jaqra u jwieġeb l-e-mails. Waqt li jkun fuq l-Internet, imur f’Websajt biex jara jekk niżilx il-prezz taʼ oġġett li jrid jixtri. Ikunu diġà għaddew kważi sagħtejn qabel  ma jinduna li jkun għadu ma bediex jistudja dak li kellu f’moħħu għal dik il-lejla. Għala din hija problema? Atleti professjonali għandhom jieħdu ħsieb ġisimhom jekk iridu li jkollhom karriera twila. B’mod simili, il-pijunieri għandhom bżonn rutina tajba taʼ studju personali biex isostnu lilhom infushom spiritwalment jekk iridu jibqgħu fis-servizz full-time.1 Tim. 4:16.

14, 15. (a) Il-pijunieri għala għandhom iżommu ħajjithom sempliċi? (b) X’għandu jagħmel pijunier jekk jiffaċċja diffikultajiet?

14 Pijunieri li jirnexxu jagħmlu l-aħjar tagħhom biex iżommu ħajjithom sempliċi. Ġesù inkuraġġixxa lid-dixxipli tiegħu biex ikollhom għajn sempliċi. (Mt. 6:22) Hu żamm ħajtu stess sempliċi ħalli jkun jistaʼ jwettaq il-ministeru tiegħu mingħajr tfixkil. Setaʼ jgħid: “Il-volpijiet għandhom l-għerien u l-għasafar tas-sema għandhom il-bejtiet, imma Bin il-bniedem m’għandu mkien fejn imidd rasu.” (Mt. 8:20) Pijunieri li jitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġesù jiftakru li iktar ma jkollhom affarijiet iktar ikollhom x’jieħdu ħsieb, isewwu, jew ibiddlu.

15 Il-pijunieri jirrealizzaw li s-servizz tagħhom hu speċjali imma ma jaħsbux li huma aħjar minn oħrajn. Minflok, kwalunkwe għotja jew privileġġ taʼ servizz li għandu mnejn ikollna hu minħabba l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. B’hekk, kull pijunier irid jistrieħ fuq Ġeħova biex ikompli jaqdi bħala pijunier. (Flp. 4:13) Sfidi u diffikultajiet se jitfaċċaw. (Salm 34:19) Meta jiġri hekk, il-pijunieri għandhom ifittxu għad-direzzjoni taʼ Ġeħova u jagħtuh l-opportunità biex jgħinhom, minflok ma jaqtgħu qalbhom malajr mill-privileġġ taʼ servizz tagħhom. (Aqra Salm 37:5.) Hekk kif jaraw kif Ġeħova jieħu ħsiebhom bl-imħabba kollha, il-ħbiberija tagħhom miegħu tissaħħaħ iktar.—Is. 41:10.

TISTAʼ INT ISSIR PIJUNIER?

16. X’għandek tagħmel jekk tixtieq issir pijunier?

16 Jekk tixtieq tkun pijunier u jkollok l-istess barkiet li jkollhom huma, itlob lil Ġeħova. (1 Ġw. 5:14, 15) Tkellem maʼ dawk li bħalissa huma pijunieri. Agħmel miri li jgħinuk issir pijunier. Hekk għamlu Keith u Erika. Kienu qed jaħdmu full-time u, bħal ħafna koppji tal-età tagħhom, xtraw dar u karozza ġdida ftit wara ż-żwieġ. Huma jgħidu: “Aħna ħsibna li dawn l-affarijiet kienu se jagħtuna sodisfazzjon—imma dan qatt ma ġara.” Meta Keith tilef ix-xogħol, qeda bħala pijunier awżiljarju. Hu jiftakar: “Ix-xogħol taʼ pijunier fakkarni dwar kemm tikseb ferħ meta tkun fil-ministeru.” Huma għamlu ħbieb maʼ koppja li kienu pijunieri u li għenuhom jaraw il-ferħ li jiġi milli jgħixu ħajja sempliċi u milli jkunu pijunieri. Keith u Erika x’għamlu? “Għamilna lista tal-miri spiritwali, waħħalnieha mal-friġġ, u qtajna kull mira hekk kif ilħaqnieha.” Maż-żmien, setgħu jibdew jaqdu bħala pijunieri.

17. Għala jkun għaqli li taħseb sew dwar jekk tistax tkun pijunier?

17 Tistaʼ ssir pijunier? Jekk bħalissa tara li dan mhux possibbli, agħmel dak li tistaʼ biex tersaq eqreb lejn Ġeħova billi jkollok sehem sħiħ fil-ministeru. Wara li tqis dan kollu bit-talb, għandu mnejn issib li billi tagħmel xi tibdil f’ħajtek, dan se jippermettilek issir pijunier. Jekk tistaʼ tkun pijunier, il-ferħ li jkollok ikun ħafna akbar minn kwalunkwe sagrifiċċju li tagħmel. Se jkollok iktar sodisfazzjon li jiġi milli tpoġġi l-interessi tas-Saltna qabel tiegħek. (Mt. 6:33) Int se tesperjenza iżjed ferħ meta tagħti lil oħrajn. Iktar minn hekk, se jkollok iktar opportunitajiet biex taħseb u titkellem dwar Ġeħova, u dan se jsaħħaħ imħabbtek għalih u tagħmlu ferħan.