Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħadd ma jista’ jkun qaddej ta’ żewġ sidien

Ħadd ma jista’ jkun qaddej ta’ żewġ sidien

“Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien . . . Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-flus.”MT. 6:24.

1-3. (a) Illum, ħafna nies liema problemi finanzjarji jiffaċċjaw, u xi wħud kif jipprovaw isolvuhom? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Meta l-ġenituri jaħsbu dwar li jgħixu ’l bogħod mill-familja tagħhom, liema tħassib ikollhom dwar kif se jrabbu t-tfal?

KULJUM ir-raġel taʼ Marilyn, James, kien imur lura d-dar mix-xogħol għajjien mejjet. * Hu bilkemm kien jaqlaʼ biżżejjed flus għall-bżonnijiet tagħhom taʼ kuljum. Marilyn xtaqet tagħmel il-ħajja għal żewġha iktar faċli, u riedet li binhom, Jimmy, ikollu xi affarijiet sbieħ li kellhom sħabu tal-iskola. Hi riedet tgħin lil membri oħrajn tal-familja u wkoll tfaddal xi flus għall-futur. Ħafna minn sħabha kienu marru jgħixu f’pajjiżi oħrajn sabiex ikunu jistgħu jaqilgħu iktar flus. Imma meta Marilyn bdiet taħseb dwar jekk għandhiex titlaq lill-familja tagħha, ġiet bejn ħaltejn. Għala?

2 Marilyn kienet qed tibżaʼ titlaq lill-familja prezzjuża tagħha. Li jqimu lil Ġeħova flimkien kien parti regulari mill-ħajja tal-familja tagħhom. Kif kienu se jkomplu jagħmlu dan jekk hi tkun ’il bogħod minnhom? Fl-istess ħin hi bdiet taħseb dwar oħrajn li kienu marru ’l bogħod mill-familji tagħhom u xorta donnhom kienu qed jaqdu lil Ġeħova. Setgħet hi tassew trabbi lil binha “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova” minn fuq l-Internet?Efes. 6:4.

 3 Marilyn marret tieħu parir mingħand oħrajn. Żewġha ma ridhiex titlaq, għalkemm qalilha li ma kienx se jipprova jwaqqafha. Anzjani u oħrajn fil-kongregazzjoni tawha parir biex ma titlaqx, imma diversi aħwa nisa ħeġġewha biex tmur. Huma qalulha: “Jekk vera tħobb lil familtek, tmur. Xorta tistaʼ tibqaʼ taqdi lil Ġeħova.” Minkejja d-dubji tagħha, Marilyn sellmet lil James u lil Jimmy u marret issib xogħol barra l-pajjiż. Hi wegħdithom: “Ma ndumx ma nerġaʼ niġi.”

IR-RESPONSABBILTAJIET TAL-FAMILJA U L-PRINĊIPJI BIBLIĊI

4. Ħafna nies għala jemigraw, u spiss min irabbi lil uliedhom?

4 Ġeħova ma jridx li l-qaddejja tiegħu jgħixu f’faqar estrem. Matul l-istorja, in-nies taʼ Ġeħova emigraw biex ma jibqgħux fil-faqar. (Salm 37:25; Prov. 30:8) Biex ma jmutux bil-ġuħ, Ġakobb bagħat lil uliedu l-Eġittu biex jixtru l-ikel. * (Ġen. 42:1, 2) B’kuntrast, ħafna minn dawk li jemigraw illum ma jkunux qed imutu bil-ġuħ. Allura għalfejn jemigraw? Ħafna jkunu mgħaddsin fid-dejn. Oħrajn għandhom mnejn jgħixu fi nħawi li għandhom ekonomija dgħajfa. Minħabba li jkunu jixtiequ affarijiet isbaħ u jgħixu ħajja iktar komda, għandu mnejn ma jibqgħux jgħixu mal-familja tagħhom u jmorru jgħixu fi nħawi fejn ikun iktar faċli li jaqilgħu l-flus. Ġenituri li ma jibqgħux jgħixu d-dar spiss iħallu t-tfal tagħhom jitrabbew minn oħrajn, bħal pereżempju mill-ġenitur l-ieħor, wieħed mit-tfal tagħhom li jkun akbar, nanniet, qraba oħrajn, jew ħbieb. Minkejja li jkun taʼ wġigħ li jmorru jgħixu ’l bogħod minn familthom, ħafna li jagħmlu hekk iħossu li m’għandhomx għażla.

5, 6. (a) Ġesù x’għallem dwar il-ferħ u s-sigurtà? (b) Għal liema affarijiet materjali Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu? (ċ) Ġeħova b’liema mod iberikna?

5 Fi żmien Ġesù kien hemm ħafna nies li kienu foqra u żvantaġġati. Dawn għandhom mnejn ħasbu li kienu jkunu iktar ferħanin u fis-sigurtà li kieku kellhom iktar flus. (Mk. 14:7) Imma Ġesù ma ridhomx jafdaw fl-affarijiet temporanji. Riedhom jafdaw f’Ġeħova, li l-barkiet tiegħu huma dejjiema. Fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù għallem li l-ferħ u s-sigurtà vera ma jiġux mill-affarijiet li jkollna jew mill-isforzi tagħna biss imma mill-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova.

6 Fit-talba mudell tiegħu, Ġesù m’għallimniex nitolbu għal sigurtà finanzjarja imma għall-bżonnijiet taʼ kuljum, “ħobżna għal dan il-jum.Hu qal ċar u tond lis-semmiegħa tiegħu: “Tibqgħux taħżnu teżori fuq l-art . . . Minflok, aħżnu teżori fis-sema.” (Mt. 6:9, 11, 19, 20) Nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jberikna bħalma wiegħed. Il-barka t’Alla ma tinkludix biss l-approvazzjoni tiegħu. Hi garanzija li hu se jagħtina kwalunkwe ħaġa li aħna tassew għandna bżonn. Tabilħaqq, l-uniku mod biex niksbu l-ferħ u s-sigurtà vera hu billi nafdaw f’Missierna kollu mħabba u mhux fil-flus.—Aqra Mattew 6:24, 25, 31-34.

7. (a) Ġeħova lil min ta r-responsabbiltà biex irabbu lit-tfal? (b) Għala hemm bżonn li ż-żewġ ġenituri jgħinu fit-trobbija?

7 Li nagħmlu r-rieda t’Alla jinkludi li nieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tal-familja tagħna bil-mod kif iridna Ġeħova. Il-Liġi taʼ Mosè fiha dan il-prinċipju li japplika għall-Kristjani: Huma l-ġenituri li għandhom jagħtu t-taħriġ spiritwali lil uliedhom. (Aqra Dewteronomju 6:6, 7.) Alla ta din ir-responsabbiltà lill-ġenituri, mhux lin-nanniet jew lil xi ħadd ieħor. Is-Sultan Salamun qal: “Ibni, ismaʼ mid-dixxiplina taʼ missierek, u titlaqx il-liġi t’ommok.” (Prov. 1:8) Ġeħova jrid li  l-familji jgħixu flimkien sabiex iż-żewġ ġenituri jkunu jistgħu jgħallmu u jiggwidaw lil uliedhom. (Prov. 31:10, 27, 28) Meta t-tfal jisimgħu lill-ġenituri tagħhom jitkellmu dwar Ġeħova u jaraw kif jaqduh kuljum, jistgħu jitgħallmu jagħmlu l-istess.

KONSEGWENZI MHUX MISTENNIJIN

8, 9. (a) Spiss liema bidliet iseħħu meta ġenitur ma jibqax jgħix mal-familja? (b) Meta l-ġenituri u t-tfal ma jibqgħux jgħixu flimkien, dan kif ikun taʼ ħsara għall-familja?

8 Qabel ma jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor, l-emigranti jipprovaw jikkunsidraw ir-riskji u s-sagrifiċċji involuti, imma huwa impossibbli għalihom li jkunu jafu kif din id-deċiżjoni se teffettwa l-familja tagħhom. (Prov. 22:3) * Malli Marilyn telqet, hi bdiet tbati minn uġigħ emozzjonali minħabba li kienet ’il bogħod mill-familja tagħha. Anki żewġha u binha ħassewhom hekk. Iċ-ċkejken Jimmy baqaʼ jistaqsiha: “Għala tlaqtni?” U hekk kif ix-xhur li Marilyn pjanat li tkun ’il bogħod inbidlu fi snin, hi nnotat bidliet inkwetanti fil-familja tagħha. Jimmy ma kienx għadu l-istess tifel li kienet taf. Kien ikellimha mill-inqas u ma kienx għadu lest jiftaħ qalbu magħha. Marilyn tgħid, “Ma baqax iħobbni.”

9 Meta l-ġenituri u t-tfal ma jibqgħux jgħixu flimkien bħala familja, l-emozzjonijiet u saħansitra l-livelli tagħhom taʼ x’inhu tajjeb u ħażin jiġu effettwati. * Iktar ma t-tfal ikunu żgħar u iktar ma jdumu ’l bogħod minn xulxin, iktar se jkun hemm ħsara. Marilyn spjegat lil Jimmy li kienet qed tagħmel is-sagrifiċċji għalih. Imma għal Jimmy kien bħallikieku ommu kienet abbandunatu. Għall-ewwel ma ħax pjaċir bin-nuqqas tagħha. Imma iktar tard, meta kienet tmur iżżurhom, ma kienx jieħu pjaċir bil-preżenza tagħha. Bħal bosta tfal li huma separati mill-ġenituri tagħhom, Jimmy ħass li ommu ma kienx għad għandha d-dritt li tkun maħbuba minnu u li jobdiha.Aqra Proverbji 29:15.

10. (a) Meta l-ġenituri jagħtu rigali minflok il-ħin u l-attenzjoni tagħhom, x’se jiġrilhom it-tfal? (b) Familja x’timmissja meta ġenitur ikun jgħix ’il bogħod?

10 Għalkemm Marilyn ipprovat tpatti għan-nuqqas tagħha billi kienet tibgħat flus u rigali, hi ndunat li kienet qed tbiegħed lil binha u li kienet qed tgħallmu jpoġġi l-affarijiet materjali qabel dawk spiritwali u qabel il-familja. (Prov. 22:6) “Tiġix lura,” kien jgħidilha Jimmy. “Imma ibqaʼ ibgħat ir-rigali.” Marilyn fl-aħħar iddeċidiet li ma setgħetx trabbi lil binha permezz taʼ ittri, telefonati, jew komunikazzjoni bil-vidjow. Hi tispjega, “Ma  tistax tgħannaq lil ibnek jew tbusu qabel jorqod minn fuq l-Internet.”

11. (a) Żwieġ kif jiġi effettwat meta l-imseħbin jgħixu ’l bogħod minn xulxin minħabba x-xogħol? (b) Marilyn meta rrealizzat li kellha tkun mal-familja tagħha?

11 Ir-relazzjoni taʼ Marilyn maʼ Ġeħova u maʼ żewġha, James, ukoll marret minn taħt. Is-sħubija Kristjana tagħha u l-ministeru kienu limitati għall-ġurnata waħda fil-ġimgħa jew inqas, u hi kellha tipproteġi ruħha mill-avvanzi sesswali tal-imgħallem tagħha. U minħabba li ma setgħux jitkellmu maʼ xulxin dwar il-problemi tagħhom, kemm Marilyn u kemm James kienu jitkellmu m’oħrajn dwar is-sentimenti tagħhom u kważi kkommettew l-immoralità sesswali. Marilyn irrealizzat li għalkemm hi u żewġha m’għamlux adulterju, sakemm jibqgħu jgħixu ’l bogħod minn xulxin ma setgħux isegwu d-direzzjoni tal-Bibbja biex jissodisfaw il-bżonnijiet emozzjonali u sesswali taʼ xulxin. U minħabba d-distanza taʼ bejniethom, ma setgħux jagħtu lil xulxin il-ħin u l-attenzjoni li suppost igawdu koppja miżżewġa. (Għan. 1:2; 1 Kor. 7:3, 5) Ukoll ma setgħux jaqdu lil Ġeħova flimkien maʼ binhom. “Meta f’konvenzjoni tgħallimt li l-qima tal-familja regulari hi vitali biex insalvaw mill-jum il-kbir taʼ Ġeħova, fhimt li kelli mmur lura d-dar,” tiftakar Marilyn. Hi kellha terġaʼ tibni l-familja tagħha u l-ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova.”

PARIRI TAJBIN U PARIRI ĦŻIENA

12. Liema parir Skritturali jistaʼ jingħata lil dawk li qed jgħixu ’l bogħod minn familthom?

12 Mhux kulħadd qabel mad-deċiżjoni taʼ Marilyn li tmur lura d-dar. L-anzjani fil-kongregazzjoni tagħha faħħruha għall-fidi u l-kuraġġ tagħha. Imma oħrajn li anki huma kienu qed jgħixu ’l bogħod minn familthom m’għamlux hekk. Minflok ma segwew l-eżempju tajjeb tagħha, huma pprovaw ibiddlulha fehmitha. “Ma ddumx ma terġaʼ lura hawn,” qalulha. “Jekk tmur lura d-dar kif se tlaħħaq mal-ħajja?” Minflok ma jagħmlu kummenti taʼ skuraġġiment bħal dawn, il-Kristjani għandhom “iġibu f’sensihom lin-nisa żgħażagħ biex iħobbu lil żwieġhom, iħobbu lil uliedhom,” u biex ikunu “ħaddiema fid-dar,” jiġifieri jieħdu ħsieb il-familji tagħhom stess. B’hekk, “il-kelma t’Alla ma tkunx immaqdra.”—Aqra Titu 2:3-5.

13, 14. Għala neħtieġu l-fidi biex immorru kontra x-xewqat tal-familja? Agħti eżempju.

13 Ħafna emigranti trabbew ġo kulturi li jonoraw it-tradizzjonijiet u l-qraba, speċjalment lill-ġenituri, iktar minn kull ħaġa oħra. Kristjan jeħtieġ fidi soda biex imur kontra x-xewqat tal-familja tiegħu meta dawn ix-xewqat ma jogħġbux lil Ġeħova.

 14 Ikkunsidra l-istorja taʼ Carin: “Meta twieled ibni Don, jien u żewġi konna naħdmu f’pajjiż ieħor, u jien kont għadni kif bdejt nistudja l-Bibbja. Kulħadd fil-familja tiegħi stenna li nibgħat lura d-dar lil Don biex jitrabba mill-ġenituri tiegħi sakemm inkunu stabbli finanzjarjament.” Meta Carin insistiet li trabbi lil Don hi stess, il-qraba tagħha, inkluż żewġha, għajruha għażżiena u daħqu biha. Carin tgħid: “Sinċerament dak iż-żmien ma fhimtx għalkollox x’kien hemm ħażin li nħalli lil Don mal-ġenituri tiegħi għal ftit snin. Imma kont naf li Ġeħova ta dan l-inkarigu li nrabbu lit-tifel tagħna lilna—il-ġenituri tiegħu.” Meta Carin reġgħet ħarġet tqila, żewġha li ma kienx tal-istess twemmin insista li tagħmel abort. Id-deċiżjoni tajba li Carin kienet ħadet qabel saħħitilha l-fidi tagħha, u b’hekk setgħet terġaʼ tieħu deċiżjoni li togħġob lil Ġeħova. Issa hi, żewġha, u t-tfal tagħhom huma ferħanin li lkoll baqgħu flimkien. Li kieku Carin bagħtet wieħed jew iż-żewġt itfal biex jitrabbew minn oħrajn, ir-riżultat setaʼ kien differenti ferm.

15, 16. (a) Iddeskrivi t-trobbija taʼ Vicky. (b) Għala hi m’għażlitx li trabbi lil bintha bl-istess mod?

15 Xhud jisimha Vicky tgħid: “Għal ftit snin trabbejt minn nannti, waqt li l-ġenituri tiegħi żammew lil oħti iżgħar minni magħhom. Sakemm erġajt ingħaqadt mal-ġenituri tiegħi, ma bqajtx inħossni l-istess dwarhom. Oħti kienet tħossha komda tiftaħ qalbha magħhom, tgħannaqhom, u tgawdi relazzjoni mill-qrib magħhom. Jien ma ħassejtnix qrib tal-ġenituri tiegħi, u anki meta kbirt sibtha diffiċli ngħidilhom kif kont inħossni verament. Jien u oħti aċċertajna lill-ġenituri tagħna li se nieħdu ħsiebhom meta jixjieħu. Imma jien se nagħmel dan għax hu dmir, waqt li oħti se tieħu ħsiebhom għax tħobbhom.

16 “Issa ommi tridni nibgħat lit-tifla tiegħi għandha biex trabbiha hi, bħalma hi kienet bagħtet lili għand ommha. Jien bit-tattika rrifjutajt,” tgħid Vicky. “Jien u żewġi rridu nrabbu t-tifla tagħna fil-mogħdijiet taʼ Ġeħova. U ma rridx nagħmel ħsara lir-relazzjoni futura tiegħi maʼ binti.” Vicky tgħallmet li l-uniku mod biex ikollha suċċess hu billi tħobb lil Ġeħova u l-prinċipji tiegħu iktar mill-affarijiet materjali u saħansitra iktar mill-familja. Ġesù qal ċar u tond: “Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien,” t’Alla u tal-Flus.Mt. 6:24; Eżo. 23:2.

ĠEĦOVA JAGĦMEL L-ISFORZI TAGĦNA ‘JIRNEXXU’

17, 18. (a) Il-Kristjani liema għażla dejjem għandhom? (b) Fl-artiklu li jmiss liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

17 Missierna Ġeħova wegħedna li se jagħtina kull ħaġa li verament għandna bżonn jekk inpoġġu s-Saltna u s-sewwa tiegħu l-ewwel f’ħajjitna. (Mt. 6:33) Minħabba din il-wegħda, il-Kristjani veri dejjem għandhom għażla. Anki meta nħabbtu wiċċna mal-iktar problemi diffiċli, dejjem hemm mod kif nogħġbu lil Ġeħova u nsegwu l-prinċipji Bibliċi. Ġeħova jwiegħed li se ‘jiftħilna t-triq.’ (Aqra l-1 Korintin 10:13.) It-talb u l-ubbidjenza tagħna juru lil Ġeħova li aħna nafdaw fih. (Salm 37:5, 7) Ġeħova se jara l-isforzi tagħna u jagħtina kulma għandna bżonn. Se jgħinna ‘nirnexxu’ f’ħajjitna.—Qabbel Ġenesi 39:3.

18 X’jistaʼ jsir biex titranġa l-ħsara li ġġib magħha s-separazzjoni? Liema passi prattiċi nistgħu nieħdu sabiex immantnu lill-familji tagħna mingħajr ma ngħixu ’l bogħod minnhom? U kif nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn bi mħabba biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin f’din il-kwistjoni? L-artiklu li jmiss se jikkunsidra dawn il-mistoqsijiet.

^ par. 1 L-ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 4 Kull meta t-tfal taʼ Ġakobb kienu jmorru l-Eġittu, ma kinux idumu iktar minn tliet ġimgħat ’il bogħod minn familthom. Meta iktar tard Ġakobb u wliedu marru jgħixu l-Eġittu, huma ħadu lin-nisa tagħhom u lil uliedhom magħhom.—Ġen. 46:6, 7.

^ par. 8 Ara “Immigrazzjoni—Ħolm u Realtajiet” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Marzu-April 2013.

^ par. 9 Rapporti minn ħafna pajjiżi juru li meta ġenitur jgħix ’il bogħod mill-persuna l-oħra fiż-żwieġ jew mit-tfal ikun hemm problemi serji. Dawn jinkludu adulterju, omosesswalità, jew inċest. It-tfal forsi jkollhom problemi l-iskola. Għandu mnejn ikunu aggressivi, ansjużi, dipressi, jew b’tendenza li jagħmlu suwiċidju.