Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”

“Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”

“It-tieni [kmandament] hu dan, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’”—MT. 22:39.

1, 2. (a) Ġesù x’qal li kien it-tieni l-akbar kmandament? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

BIEX jittestja lil Ġesù, Fariżew darba staqsieh: “Għalliem, liema hu l-akbar kmandament fil-Liġi?” Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, Ġesù wieġeb li “l-akbar u l-ewwel kmandament” hu: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” Ġesù żied jgħid: “It-tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’”—Mt. 22:34-39.

2 Ġesù qal li għandna nħobbu lill-proxxmu tagħna bħalna nfusna. B’hekk, nagħmlu tajjeb li nistaqsu: Min hu tassew il-proxxmu tagħna? U kif nistgħu nuru mħabba lejh?

XI JFISSER LI NĦOBBU LILL-PROXXMU TAGĦNA?

3, 4. (a) Ġesù liema tixbiha uża biex juri xi jfisser li nħobbu lill-proxxmu tagħna? (b) Ir-raġel Samaritan kif għen lir-raġel li kien ġie misruq, imsawwat, u tħalla nofsu mejjet? (Ara l-ewwel stampa.)

3 Meta raġel staqsa lil Ġesù: “Min tassew hu l-proxxmu tiegħi?” Ġesù wieġbu billi uża t-tixbiha tas-Samaritan u  spjega xi jfisser li tħobb lil oħrajn. (Aqra Luqa 10:29-37.) Raġel Lhudi kien ġie misruq, imsawwat, u tħalla nofsu mejjet. Qassis Iżraeli u Levita, li suppost qiesu lil dan ir-raġel bħala l-proxxmu tagħhom, rawh imma m’għenuhx. Minflok, kien wieħed Samaritan li għenu. F’dak iż-żmien, il-biċċa l-kbira tal-Lhud u s-Samaritani kienu jobogħdu lil xulxin.—Ġw. 4:9.

4 Ir-raġel Samaritan ferraʼ ż-żejt u l-inbid fuq il-ġrieħi tar-raġel ferut biex jgħinu jfiq. Iż-żewġ dinari li ħalla maʼ tal-lukanda biex jieħu ħsieb ir-raġel kienu jammontaw għal madwar jumejn paga. (Mt. 20:2) Allura huwa faċli naraw min kien tassew il-proxxmu tar-raġel ferut. It-tixbiha taʼ Ġesù żgur li tgħallimna kif nagħdru u nħobbu lill-proxxmu tagħna.

Il-qaddejja taʼ Ġeħova juru mħabba lejn il-proxxmu tagħhom bla dewmien (Ara paragrafu 5)

5. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif urew l-imħabba lejn il-proxxmu tagħhom wara l-Uragan Sandy?

5 Spiss hu diffiċli biex issib nies li juru mogħdrija bħas-Samaritan it-tajjeb. Dan hu minnu speċjalment f’dawn “l-aħħar jiem” kritiċi fejn bosta nies m’għandhomx imħabba naturali, huma feroċi, u mingħajr imħabba għat-tajjeb. (2 Tim. 3:1-3) Pereżempju, għandhom mnejn jiżviluppaw sitwazzjonijiet kritiċi matul diżastru naturali. Ikkunsidra x’ġara meta l-Uragan Sandy laqat il-belt taʼ New York f’Ottubru tal-2012. F’parti tal-belt li ġiet milquta sew, ħallelin serqu lil xi residenti li kienu diġà qed ibatu minħabba li ma kellhomx elettriku, mezz biex isaħħnu, u bżonnijiet oħrajn. Imma x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu differenti. Huma għamlu arranġamenti biex jgħinu lil ħuthom u lil oħrajn f’dak il-post għax Kristjani veri jħobbu lill-proxxmu tagħhom. X’inhuma xi modi oħrajn kif nuru li nħobbu lill-proxxmu tagħna?

KIF NISTGĦU NURU LI NĦOBBU LILL-PROXXMU TAGĦNA

6. Liema għajnuna mill-Bibbja nistgħu noffru lill-proxxmu tagħna?

6 Offri lin-nies għajnuna mill-Bibbja. Fix-xogħol tagħna tal-ippritkar, lill-proxxmu tagħna nagħtuh “faraġ mill-Iskrittura.” (Rum. 15:4) Nuruh imħabba meta nużaw il-Bibbja biex ngħidulu dwar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mt. 24:14) Xi privileġġ għandna li nxandru l-messaġġ tas-Saltna li ġej mingħand “l-Alla li jagħti t-tama”!—Rum. 15:13.

7. X’inhi r-Regola tad-Deheb, u x’jiġri meta nsegwuha?

7 Segwi r-Regola tad-Deheb. Ġesù spjega x’inhi r-Regola tad-Deheb meta qal: “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll; fil-fatt, dan ifissru l-Liġi u l-Profeti.” (Mt. 7:12) “Il-Liġi” tirreferi għall-kotba minn Ġenesi sa Dewteronomju, u “l-Profeti” jirreferu għall-kotba profetiċi tal-Iskrittura Ebrajka. Ġeħova ta lill-poplu tiegħu “l-Liġi” u “l-Profeti” għax kien iħobbhom u riedhom iħobbu lil xulxin. Anki llum, Ġeħova jistenna minna li nħobbu lill-proxxmu tagħna. F’Isaija, Ġeħova qal: “Ħarsu l-ġustizzja, u agħmlu dak li hu sewwa . . . Hieni l-bniedem mortali li jagħmel dan.” (Is. 56:1, 2) Jekk nuru mħabba lejn il-proxxmu tagħna u nsegwu r-Regola tad-Deheb, se niġu mberkin.

8. Għala għandna nħobbu lill-għedewwa tagħna, u x’jistaʼ jiġri jekk nagħmlu hekk?

8 Ħobb lill-għedewwa tiegħek. “Smajtu li ntqal, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek u obgħod lill-għadu tiegħek,’” qal Ġesù. “Madankollu, jien ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom; sabiex turu li intom ulied Missierkom  li hu fis-smewwiet.” (Mt. 5:43-45) L-appostlu Pawlu ta parir simili meta kiteb: “Jekk l-għadu tiegħek hu bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-għatx, agħtih jixrob.” (Rum. 12:20; Prov. 25:21) Skont il-Liġi Mosajka, individwu kellu jgħin lill-għadu tiegħu u saħansitra l-annimali tal-għadu tiegħu. (Eżo. 23:5) Billi japplikaw dan il-parir, dawk li qabel kienu għedewwa jistgħu jsiru ħbieb tal-qalb. Peress li l-Kristjani juru mħabba, ħafna mill-għedewwa tagħna rattbu qalbhom. Jekk nuru mħabba lejn l-għedewwa tagħna—saħansitra lejn persekuturi ħorox—kemm inkunu ferħanin jekk xi wħud minnhom iħaddnu l-Kristjanità vera!

9. Ġesù x’qal dwar li nagħmlu paċi maʼ ħutna?

9 ‘Fittex li tkun fil-paċi man-nies kollha.ʼ (Ebr. 12:14) Naturalment, dan jinkludi lil ħutna, għax Ġesù qal: “Jekk waqt li tkun qed iġġib l-għotja tiegħek lejn l-artal tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, itlaq l-għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-artal, u mur l-ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-għotja tiegħek.” (Mt. 5:23, 24) Alla jberikna meta nuru mħabba lejn ħutna u mingħajr telf taʼ żmien nipprovaw nagħmlu paċi magħhom.

10. Għala m’għandniex niġġudikaw lil oħrajn?

10 Tiġġudikax lil oħrajn. “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati,” qal Ġesù, “għax bl-istess ġudizzju li tiġġudikaw, tiġu ġudikati; u bil-kejl li tkejlu, ikejlulkom. Għala, mela, tħares lejn it-tibna f’għajn ħuk, imma ma tqisx it-travu li għandek f’għajnek? Jew kif tistaʼ tgħid lil ħuk, ‘Ħallini nneħħilek it-tibna minn għajnek’; meta, ara, int għandek travu f’għajnek? Ipokrita! L-ewwel neħħi t-travu minn għajnek, u mbagħad tara ċar kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.” (Mt. 7:1-5) Minn dan nitgħallmu li m’għandniex nikkritikaw lil oħrajn meta jiżbaljaw għax aħna stess nagħmlu ħafna żbalji.

L-AQWA MOD KIF NURU L-IMĦABBA

11, 12. X’inhu mod importanti kif nuru mħabba lejn il-proxxmu tagħna?

11 Hemm ħafna modi kif nuru mħabba  lejn il-proxxmu tagħna. Imma Ġesù għallimna li l-aqwa mod kif nagħmlu hekk hu billi nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. (Lq. 8:1) Ġesù inkariga lis-segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.’ (Mt. 28:19, 20) Billi nieħdu sehem f’li nwettqu dan l-inkarigu, aħna nipprovaw ngħinu lill-proxxmu tagħna biex joħroġ mit-triq wiesgħa u spazjuża li twassal għall-qerda u jaqbad it-triq imħarbta li twassal għall-ħajja. (Mt. 7:13, 14) Ġeħova żgur li jbierek sforzi bħal dawn.

12 Ġesù għen lil ħafna nies jifhmu li kellhom bżonn lil Ġeħova. (Mt. 5:3) Aħna nimitaw lil Ġesù meta ngħidu lin-nies dwar “l-aħbar tajba t’Alla.” (Rum. 1:1) Ngħallmuhom li s-sagrifiċċju taʼ Ġesù jagħmilha possibbli li jkollhom l-approvazzjoni u l-ħbiberija taʼ Ġeħova. (2 Kor. 5:18, 19) Li nippritkaw l-aħbar tajba hu mod verament importanti kif nuru mħabba lejn il-proxxmu tagħna.

13. Int kif tħossok meta tgħallem lin-nies dwar Ġeħova?

13 Permezz taʼ żjajjar lura u studji tal-Bibbja effettivi, aħna għandna s-sodisfazzjon li ngħinu lin-nies iġibu ħajjithom fi qbil mal-livelli ġusti t’Alla. Dan għandu mnejn jirrikjedi bidla mhux ħażin fil-ħajja tal-istudent tal-Bibbja. (1 Kor. 6:9-11) Tabilħaqq, kemm iġibilna ferħ meta naraw kif Alla jgħin lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-ħajja taʼ dejjem” biex jagħmlu l-bidliet meħtieġa u jkollhom relazzjoni mill-qrib miegħu. (Atti 13:48) Meta jistudjaw il-Bibbja, nies li kienu bla tama jsiru ferħanin. Minflok ma jibqgħu ansjużi, huma jibdew jafdaw f’Ġeħova. Huwa unur li nuru mħabba lejn il-proxxmu tagħna permezz taʼ dan ix-xogħol speċjali.

KIF PAWLU DDESKRIVA L-IMĦABBA

14. Pawlu kif iddeskriva l-imħabba fl-1 Korintin 13:4-8?

14 Jekk inħobbu lill-proxxmu tagħna bil-mod kif qal Pawlu, se nogħġbu lil Ġeħova, ikollna inqas problemi, u nkunu ferħanin. (Aqra l-1 Korintin 13:4-8.) Ejja nirrivedu fil-qosor dak li qal Pawlu dwar l-imħabba u naraw modi oħrajn kif nistgħu nħobbu lill-proxxmu tagħna bħalna nfusna.

15. (a) Għala għandna nkunu paċenzjużi u qalbna tajba? (b) Għala m’għandniex inkunu għajjurin jew kburin?

15 “L-imħabba tistabar fit-tul u qalbha tajba.” Sewwasew bħalma Alla wera paċenzja u qalb tajba mal-bnedmin imperfetti, hemm bżonn li aħna wkoll inkunu paċenzjużi u qalbna tajba meta oħrajn jiżbaljaw jew jagħmlu xi ħaġa bla ħsieb, jew saħansitra ma jurux rispett. “L-imħabba ma tgħirx,” u għalhekk l-imħabba vera mhux se tħallina nixxennqu għall-affarijiet taʼ xi ħadd jew għall-privileġġi tiegħu fil-kongregazzjoni. Iktar minn hekk, jekk inħobbu, la se nitkabbru u lanqas se niftaħru bina nfusna. Wara kollox, il-Bibbja tgħidilna li Ġeħova jobgħod lil dawk li għandhom “għajnejn suppervi u qalb arroganti.”—Prov. 21:4.

16, 17. Kif nistgħu naġixxu fi qbil mal-1 Korintin 13:5, 6?

16 L-imħabba mhux se tħallina nġibu ruħna b’mod indeċenti mal-proxxmu tagħna. La se nigdbulu, la se nisirquh, u lanqas se nagħmlu xi ħaġa oħra li tmur kontra l-liġijiet u l-prinċipji taʼ Ġeħova. L-imħabba se tgħinna wkoll nuru tħassib għal oħrajn minflok ma nfittxu biss l-interessi persunali tagħna.—Flp. 2:4.

17 L-imħabba vera “ma tiġix provokata” faċilment u “ma żżommx kont tal-ħsara,” bħallikieku nieħdu nota taʼ  kull darba li individwu jirfsilna l-kallu. (1 Tess. 5:15) Jekk inżommu f’qalbna, nistgħu tant nitbaqbqu li nispiċċaw inweġġgħu lilna nfusna u lil oħrajn. (Lev. 19:18) Minflok, għandna naħfru u ninsew. L-imħabba “ma tithenniex bl-inġustizzja.” Jekk xi ħadd li jobgħodna jiġi trattat b’mod inġust, ma niħdux pjaċir narawh ibati.—Aqra Proverbji 24:17, 18.

18. X’nitgħallmu dwar l-imħabba mill-1 Korintin 13:7, 8?

18 Ikkunsidra kif Pawlu kompla jfisser l-imħabba. Hu qal li l-imħabba “kollox tiflaħ.” Jekk xi ħadd joffendina imma jitlobna maħfra, l-imħabba tqanqalna naħfrulu. Pawlu qal ukoll li l-imħabba “kollox temmen.” Aħna nemmnu dak li naqraw fil-Bibbja u grati li niġu mgħallmin mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. L-imħabba “kollox tittama.” Għandna t-tama għax nafdaw f’dak kollu li Ġeħova wegħedna. U għax inħobbu lin-nies, se nagħmlu l-almu tagħna biex ngħidulhom dwar it-tama li għandna. (1 Pt. 3:15) Meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli ħafna, aħna nitolbu u nittamaw li jgħaddi kollox b’wiċċ il-ġid. Anki jekk xi ħadd jidneb kontrina jew jippersegwitana, aħna nissaportu. Bħalma qal Pawlu, l-imħabba “kollox tissaporti.” Qal ukoll: “L-imħabba ma tbatti qatt.” Dawk li jobdu lil Ġeħova se jħobbu lill-proxxmu tagħhom għal dejjem.

IBQAʼ ĦOBB LILL-PROXXMU TIEGĦEK BĦALEK INNIFSEK

19, 20. Liema skritturi jgħallmuna li għandna nibqgħu nħobbu lill-proxxmu tagħna?

19 Jekk napplikaw il-parir tal-Bibbja, dejjem se nħobbu lill-proxxmu tagħna bħalna nfusna. (Mt. 22:39) Kemm Alla kif ukoll Ġesù jistennew li nagħmlu dan. Għandna nħobbu lin-nies kollha, hi x’inhi l-kultura u n-nazzjonalità tagħhom. Kull meta jkun diffiċli li nuru mħabba mal-proxxmu tagħna, ejja nitolbu lil Alla biex jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu. Nafu li dan se jogħġob lil Ġeħova, u hu se jgħinna.—Rum. 8:26, 27.

20 Il-kmand biex inħobbu lill-proxxmu tagħna bħalna nfusna hu msejjaħ “il-liġi nobbli.” (Ġak. 2:8) Wara li rrefera għal xi kmandamenti tal-Liġi Mosajka, Pawlu qal: “Kwalunkwe kmandament ieħor, jinġabar f’dan il-kliem, jiġifieri, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ L-imħabba ma tagħmilx ħsara lill-proxxmu; għalhekk, l-imħabba hi t-twettiq tal-liġi.” (Rum. 13:8-10) B’hekk, jeħtieġ li nibqgħu nuru mħabba lejn il-proxxmu tagħna.

21, 22. Għala għandna nħobbu lil Alla u l-proxxmu tagħna?

21 Hekk kif nimmeditaw fuq għala għandna nuru mħabba lejn il-proxxmu tagħna, nagħmlu tajjeb li nirriflettu fuq l-istqarrija taʼ Ġesù li Missieru “jtellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita fuq in-nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mt. 5:43-45) Jeħtieġ li nħobbu lill-proxxmu tagħna, kemm jekk hu bniedem sewwa u kemm jekk mhuwiex. Bħalma rajna qabel, mod importanti kif nuru mħabba bħal din hu billi naqsmu l-messaġġ tas-Saltna miegħu. U jekk dak li jkun japplika dak li jitgħallem mill-Bibbja, jistaʼ jesperjenza l-ferħ taʼ li jkun il-ħabib t’Alla.

22 Għandna bosta raġunijiet biex inħobbu lil Ġeħova b’qalbna, b’ruħna, u b’moħħna kollu. Hemm ukoll ħafna modi kif nuru li nħobbu lill-proxxmu tagħna. Billi nuru mħabba lejn Alla u l-proxxmu tagħna, inkunu qed nuru rispett għal dak li qal Ġesù dwar dawn il-kwistjonijiet vitali. Fuq kollox, inkunu qed nogħġbu lil Missierna kollu mħabba, Ġeħova.