Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Siġra “li l-Weraq Tagħha Ma Jidbielx”

Siġra “li l-Weraq Tagħha Ma Jidbielx”

QATT rajt kampanja miksija b’siġar iħaddru? X’aktarx li taqbel li din hi veduta mill-​isbaħ. Jekk tara ħafna siġar kbar mimlijin weraq, kont int se timmaġina li hemm nixfa f’dawk l-​inħawi? Għall-​kuntrarju, int tkun taf li bilfors hemm abbundanza taʼ ilma li jżomm is-​siġar ħajjin u f’saħħithom.

B’mod xieraq, il-​Bibbja tqabbel lil dawk li huma f’saħħithom spiritwalment maʼ siġar kbar li jħaddru. Per eżempju, innota din is-​silta mill-​isbaħ meħuda mill-​ewwel tliet versi taʼ l-​ewwel Salm:

“Hieni l-​bniedem li ma mexiex fuq il-​parir tal-​ħżiena, u li ma waqafx fi triq il-​midinbin, u li ma qagħadx bil-​qiegħda maż-​żeblieħa. Imma li l-​għaxqa tiegħu hi fil-​liġi taʼ Ġeħova, u lejl u nhar jaqra u jimmedita fuq il-​liġi tiegħu. Hu jsir bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat taʼ l-​ilma, li tagħti l-​frott fl-​istaġun tagħha u li l-​weraq tagħha ma jidbielx, u jirnexxi f’kulma jagħmel.”

B’mod simili, f’Ġeremija 17:7, 8, naqraw: “Imbierek ir-​raġel b’saħħtu li jafda f’Ġeħova, u li Ġeħova sar il-​fiduċja tiegħu. Hu jsir bħal siġra mħawla ħdejn l-​ilmijiet, li tifrex għeruqha safejn ikun għaddej l-​ilma; u meta tiġi s-​sħana ma jarahiex, imma l-​weraq tiegħu jibqaʼ jħaddar. U fis-​sena tan-​nixfa ma jsirx ansjuż, u lanqas jieqaf jagħmel il-​frott.”

Fiż-żewġ siltiet, is-​siġar huma użati bħala tixbiha biex jintwera x’jiġri lil persuna li tagħmel dak li hu sewwa, jiġifieri, titgħaxxaq bil-​liġijiet t’Alla, u tafdah kompletament. Dan iwassalna biex nistaqsu, B’liema modi hija persuna bħal din qisha siġra li tħaddar, f’sens spiritwali? Ejja neżaminaw il-​versi iktar mill-​qrib.

“Imħawla Ħdejn Nixxigħat taʼ l-​Ilma”

Is-​siġar li qed nitkellmu dwarhom huma deskritti bħala li huma mħawlin “ħdejn nixxigħat taʼ l-​ilma,” mhux biss ħdejn xmara jew nixxiegħa waħda. Kliem figurattiv simili nsibuh f’Isaija 44:3, 4, fejn Alla Ġeħova tkellem dwar kif kien se jieħu ħsieb lil-​Lhud nedmin li rritornaw mill-​jasar f’Babilonja. Permezz tal-​profeta Isaija, Ġeħova qal: “Jien se nferraʼ l-​ilma fuq l-​għatxan, u n-​nixxigħat fuq il-​post niexef. . . . U jinbtu bħallikieku qalb il-​ħaxix aħdar, bħas-​siġar tal-​luq ħdejn il-​ġwiebi taʼ l-​ilma.” Hawn jintqal li “n-​nixxigħat” u “l-​ġwiebi taʼ l-​ilma” se jagħmlu lill-​uħud imberkin jikbru bħas-​siġar tal-​luq mimlijin weraq.

Anki llum fl-​inħawi tal-​biedja, int tistaʼ tara ġwiebi taʼ l-​ilma u nixxigħat għaddejjin minn sors kbir taʼ ilma, bħal xi bir fond, xmara, għadira, jew ġibjun. Ġeneralment, dawn huma parti mis-​sistema taʼ tisqija għall-​għelieqi jew għar-​rabaʼ. Kultant, il-​kanali taʼ l-​ilma jkunu diretti lejn xi masġar tal-​frott. F’xi każi, fuq naħa waħda n-​nixxigħat isaqqu l-​għelieqi u fuq in-​naħa l-​oħra jsaqqu ringiela taʼ siġar mimlijin weraq, forsi li jkunu qed jimmarkaw ix-​xifer tat-​territorju.

Kif jikbru s-​siġar li jitħawlu ħdejn nixxigħat bħal dawn? Salm 1:3 jitkellem dwar siġra “li tagħti l-​frott fl-​istaġun tagħha.” Fl-​artijiet Bibliċi jikbru siġar tat-​tin, tar-​rummien, u tat-​tuffieħ, kif ukoll siġar tal-​palm, tat-​tamal, u taż-​żebbuġ. Għalkemm is-​siġra tat-​tin tistaʼ tilħaq l-​għoli taʼ disaʼ metri bil-​friegħi mifruxin ħafna, bosta siġar tal-​frott oħrajn ma jitwalux daqshekk. Madankollu, dawn jistgħu jħaddru u jkunu f’saħħithom u jagħtu abbundanza taʼ frott fiż-​żmien xieraq.

Fiż-żminijiet tal-​qedem, siġar kbar tal-​luq kienu jikbru maġenb ix-​xatt tax-​xmajjar u n-​nixxigħat fis-​Sirja u l-​Palestina. Fil-​Bibbja, ġeneralment, ir-​referenza għas-​siġar tal-​luq hija konnessa maʼ fejn tgħaddi xmara jew mal-​‘widien.’ (Levitiku 23:40) Is-​siġar taż-​żafżaf, li huma mill-​istess familja tas-​siġar tal-​luq, setgħu wkoll jinstabu jikbru fejn l-​ilma kien abbundanti. (Eżekjel 17:5) Dawn is-​siġar kbar u jħaddru jirrappreżentaw tajjeb l-​idea li riedu jwasslu kemm is-​salmista u kemm Ġeremija: Dawk li jfittxu li jsegwu l-​liġi t’Alla u jafdaw fih kompletament se jibqgħu f’saħħithom spiritwalment, ‘u jirnexxu f’kulma jagħmlu.’ M’huwiex dan li rridu aħna—li nirnexxu fil-​ħajja?

Sib l-​Għaxqa fil-​Liġi taʼ Ġeħova

Illum, in-​nies jipprovaw isibu s-​suċċess b’ħafna modi. Huma jintefgħu b’ruħhom u ġisimhom jiġru wara affarijiet li jistgħu jġibulhom fama u fortuna imma dawn ma jkunux realistiċi u n-​nies ħafna drabi jispiċċaw diżappuntati. Mela, allura, x’jistaʼ jġib sodisfazzjon veru u hena dejjiemi? Il-​kliem taʼ Ġesù fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja jipprovdi t-​tweġiba. Hu qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, għax tagħhom hi s-​saltna tas-​smewwiet.” (Mattew 5:3) Tabilħaqq, l-​hena veru jiġi jekk nirrikonoxxu u nissodisfaw il-​bżonn spiritwali tagħna sabiex inkunu f’saħħitna spiritwalment, bħal siġar li jħaddru u li jagħtu l-​frott tagħhom fl-​istaġun xieraq, u mhux milli jkollna ħafna affarijiet materjali. Kif nistgħu niffjorixxu spiritwalment?

Skond is-​salmista, l-​ewwel hemm xi affarijiet li rridu nevitaw. Hu semma “l-​parir tal-​ħżiena,” “triq il-​midinbin,” u l-​post taż-​“żeblieħa.” Biex inkunu ferħanin, għandna bżonn nevitaw lil dawk li jirridikolaw jew saħansitra jinjoraw il-​liġijiet t’Alla.

It-tieni, għandna nitgħaxxqu bil-​liġi taʼ Ġeħova. Meta nieħdu pjaċir b’xi ħaġa jew b’xi attività, aħna nfittxu kull opportunità biex nieħdu sehem fiha, hux hekk? Mela li nitgħaxxqu bil-​liġi t’Alla jfisser li jkollna apprezzament profond għall-​Kelma t’Alla, u xewqa li nitgħallmu iktar dwarha u li nifhmuha aħjar.

It-tielet, għandna bżonn naqraw u ‘nimmeditaw fuqha lejl u nhar.’ Dan ifisser li naqraw il-​Bibbja fuq bażi regulari u nimmeditaw fuq dak li naqraw. Għandna nħossuna l-​istess bħas-​salmista dwar il-​Kelma t’Alla, meta kanta: “Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek! Il-​jum kollu moħħni fiha.”—Salm 119:97.

Iva, meta nieħdu għarfien eżatt dwar Alla Ġeħova u nibdew nifhmuh u niżviluppaw fiduċja sħiħa fih u fil-​wegħdi tiegħu, aħna żgur li se nkunu f’saħħitna spiritwalment. F’dak il-​każ, aħna nkunu bħal dak ir-​raġel hieni deskritt mis-​salmista li “jirnexxi f’kulma jagħmel.”