Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

Kont Taf?

X’sar minnha l-​arka tal-​patt?

Għall-​Israelin, il-​preżenza t’Alla kienet simbolizzata mill-​arka tal-​patt. (Eżodu 25:22) Din kienet senduq sagru miksi bid-​deheb li fih Mosè kien poġġa ż-​żewġ twavel tal-​ġebel bil-​Liġi miktuba fuqhom. Meta l-​Israelin kienu jgħixu fix-​xagħri, l-​Arka kienet tinżamm fit-​taqsima msejħa l-​Iktar Qaddis tat-​tinda tal-​laqgħa. (Eżodu 26:33) Maż-​żmien, l-​Arka tqiegħdet fit-​taqsima msejħa l-​Iktar Qaddis tat-​tempju taʼ Salamun.—1 Slaten 6:19.

L-​Arka tissemma l-​aħħar fit-​2 Kronaki 35:3 meta s-​Sultan Ġosija ħadha lura fit-​tempju fis-​sena 642 Q.E.K. Għandu mnejn li l-​Arka tneħħiet minn Manasse, l-​antenat apostata taʼ Ġosija, li poġġa xbieha fit-​tempju. Jew forsi ġiet imċaqalqa biex tkun protetta matul it-​tiġdid tat-​tempju taʼ Ġosija. (2 Kronaki 33:1, 2, 7; 34:1, 8-​11) X’sar minnha l-​Arka wara dan huwa misteru, għax mhix imniżżla fost l-​oġġetti li ttieħdu mit-​tempju meta l-​Babiloniżi ħadu taħt idejhom lil Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K.—2 Slaten 25:13-​17.

L-​Iskrittura ma tgħidx li l-​Arka ttieħdet lura fl-​Iktar Qaddis tat-​tempju, li kien inbena mill-​ġdid minn Żerubbabel; u lanqas ma jidher li saret xi oħra minflokha.—Esdra 1:7-​11.

Min kienu l-​irġiel differenti fil-​Bibbja li jisimhom Ġakbu?

Kien hemm erbgħa b’kollox, u faċli tkun konfuż. a Wieħed minnhom kien missier l-​appostlu Ġuda (mhux l-​Iskarjota), u xejn iktar mhu magħruf dwaru.—Luqa 6:16; Atti 1:13.

Raġel ieħor bl-​isem taʼ Ġakbu kien bin Żebedew. Dan kien Ġakbu ħu Ġwanni, u t-​tnejn li huma kienu appostli taʼ Ġesù. (Mattew 10:2) Milli jidher, ommu kienet Salomè, oħt omm Ġesù. (Qabbel Mattew 27:55, 56 maʼ Marku 15:40, 41 u Ġwanni 19:25.) Jekk inhu hekk, Ġakbu kien il-​kuġin taʼ Ġesù. Hu kien sajjied u kien bi sħab maʼ ħuh, maʼ Pietru u maʼ Indrì.—Marku 1:16-​19; Luqa 5:7-​10.

Imbagħad hemm Ġakbu bin Alfew, li kien ukoll wieħed mill-​appostli taʼ Ġesù. (Marku 3:16-​18) F’Marku 15:40 huwa deskritt bħala “Ġakbu ż-​Żgħir.” Jistaʼ jkun li kien jissejjaħ “iż-​Żgħir” għax kien iżgħar fl-​istatura jew fl-​età minn Ġakbu, bin Żebedew.

Fl-​aħħar nett hemm bin Ġużeppi u Marija, ħu Ġuda u ħu Ġesù mill-​omm. (Marku 6:3; Galatin 1:19) Matul il-​ministeru taʼ Ġesù, Ġakbu ma kienx wieħed mid-​dixxipli tiegħu. (Mattew 12:46-​50; Ġwanni 7:5) Madankollu, qabel Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Ġakbu talab maʼ ommu, maʼ ħutu, u mal-​appostli f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. (Atti 1:13, 14) Iktar tard, Ġakbu sar membru prominenti tal-​kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm u kiteb il-​ktieb tal-​Bibbja li jġib ismu.—Atti 12:17; Ġakbu 1:1.

[Nota taʼ taħt]

a Fil-​lingwa oriġinali, l-​isem Ġakbu huwa l-​ekwivalenti tal-​isem Ġakobb, u bʼhekk, hemm iktar uħud fil-​Bibbja li kellhom l-​istess isem. Pereżempju, il-​frażi “Abraham, Iżakk, u Ġakobb (Ġakbu)” tidher bosta drabi fil-​Bibbja, u Mattew 1:16 jgħid li Ġakobb (Ġakbu) “nissel lil Ġużeppi r-​raġel taʼ Marija.” Madankollu, dan l-​artiklu jiffoka fuq dawk li fil-​Bibbja jisimhom Ġakbu.