Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huwa Ġesù l-Arkanġlu Mikiel?

Huwa Ġesù l-Arkanġlu Mikiel?

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .

Huwa Ġesù l-​Arkanġlu Mikiel?

▪ Fi kliem sempliċi, it-​tweġiba hi iva. Id-​drawwa li dak li jkun jissejjaħ b’iktar minn isem wieħed hi komuni f’ħafna kulturi. Huwa l-​istess b’xi ismijiet fil-​Bibbja. Pereżempju, il-​patrijarka Ġakobb hu msejjaħ ukoll Israel. (Ġenesi 35:10) L-​appostlu Pietru hu msejjaħ b’ħames modi differenti—Simgħon, Xmun, Pietru, Kefa, u Xmun Pietru. (Mattew 10:2; 16:16; Ġwanni 1:42; Atti 15:7, 14) Kif nistgħu nkunu żguri li Mikiel hu isem ieħor għal Ġesù? Ikkunsidra l-​evidenza Skritturali li ġejja.

Il-​Bibbja fiha ħames referenzi għall-​ħlejqa spirtu setgħana Mikiel. Tlieta minnhom qegħdin fil-​ktieb taʼ Danjel. F’Danjel 10:13, 21 naqraw li anġlu li kien intbagħat fuq inkarigu ġie salvat minn Mikiel, li hu msejjaħ “wieħed mill-​prinċpijiet ewlenin” u “l-​prinċep tagħkom.” Imbagħad, f’Danjel 12:1, nitgħallmu li fi żmien it-​tmiem, “iqum Mikiel, il-​prinċep il-​kbir li jinsab wieqaf għan-​nom taʼ wlied il-​poplu tiegħek.”

Mikiel jerġaʼ jissemma f’Rivelazzjoni 12:7, li jiddeskrivi lil “Mikiel u l-​anġli tiegħu” bħala li qed jiġġieldu gwerra vitali li twassal biex jitneħħew mis-​sema Satana x-​Xitan u l-​anġli mill-​agħar tiegħu.

Innota li f’kull każ li ssemma hawn fuq, Mikiel hu deskritt bħala anġlu gwerrier li qed jiġġieled għall-​poplu t’Alla u jipproteġih, u saħansitra jiffaċċja lil Satana, l-​akbar għadu taʼ Ġeħova.

Ġuda vers 9 jsejjaħ lil Mikiel bħala “l-​arkanġlu.” Il-​prefiss “ark” ifisser “prinċipali” jew “ewlieni,” u l-​kelma “arkanġlu” fil-​Bibbja qatt ma tintuża fil-​plural. L-​uniku vers ieħor li fih jissemma arkanġlu hu fl-​1 Tessalonikin 4:16, fejn Pawlu jiddeskrivi lil Ġesù rxoxtat, billi jgħid: “Il-​Mulej [Ġesù] stess jinżel mis-​sema b’sejħa taʼ kmand, b’leħen t’arkanġlu u bit-​trumbetta t’Alla.” Għalhekk, hawnhekk Ġesù Kristu nnifsu hu identifikat bħala l-​arkanġlu, jew l-​anġlu ewlieni.

Meta nqisu dak li għadna kif rajna, x’nistgħu nikkonkludu? Ġesù Kristu hu Mikiel l-​arkanġlu. Iż-​żewġ ismijiet—Mikiel (li jfisser “Min Hu Bħal Alla?”) u Ġesù (li jfisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni”)—jiffokaw l-​attenzjoni fuq l-​irwol tiegħu bħala l-​mexxej ewlieni li jiddefendi s-​sovranità t’Alla. Filippin 2:9 jgħid: “Alla eżaltah [lil Ġesù glorifikat] għal pożizzjoni superjuri u b’qalb tajba tah l-​isem li hu fuq kull isem ieħor.”

Huwa importanti li tinnota li t-​twelid uman taʼ Ġesù ma kienx il-​bidu taʼ ħajtu. Qabel ma twieled Ġesù, anġlu żar lil Marija u qalilha li kienet se tnissel iben permezz tal-​ispirtu qaddis, u li lit-​tifel kellha ssemmih Ġesù. (Luqa 1:31) Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù spiss tkellem dwar l-​eżistenza preumana tiegħu.—Ġwanni 3:13; 8:23, 58.

Għalhekk, Mikiel l-​arkanġlu hu Ġesù fl-​eżistenza preumana tiegħu. Wara li ġie rxoxtat u rritorna fis-​sema, Ġesù reġaʼ ħa l-​pożizzjoni tiegħu bħala Mikiel, l-​anġlu ewlieni, “għall-​glorja t’Alla l-​Missier.”—Filippin 2:11.