Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huwa l-Qrar Meħtieġ Minn Alla?

Huwa l-Qrar Meħtieġ Minn Alla?

Il-​qrar permezz taʼ stqarrija persunali tad-​dnubiet lil xi qassis jew lil xi ministru tar-​reliġjon għadu parti mir-​ritwal reliġjuż u mill-​qima f’ħafna knejjes. Madankollu, fis-​soċjetà permissiva u tolleranti tal-​lum, huwa l-​qrar xieraq jew saħansitra meħtieġ?

HEMM diversi opinjonijiet dwar din il-​kwistjoni. Pereżempju, in-​National Post tal-​Kanada tirrapporta dwar individwu li ammetta li filwaqt li hu diffiċli li tgħid lil ħaddieħor xi tkun għamilt ħażin, “tħossok li ħlist minn toqol kbir meta xi ħadd joqgħod jisimgħek, jitlob miegħek, u jgħidlek x’għandek bżonn tagħmel biex tirranġa s-​sitwazzjoni.” Mill-​banda l-​oħra, il-​ktieb Bless Me, Father, for I Have Sinned, jikkwota raġel li qal: “Il-​qrar hu wieħed mill-​iktar ritwali li għandha l-​Knisja li jkissrek emozzjonalment. Dan iġiegħel lin-​nies iħossuhom ansjużi b’mod ossessiv.” Il-​Bibbja x’għandha x’tgħid dwar dan is-​suġġett?

Il-​Bibbja X’Tgħid?

Fil-​Liġi li Alla ta lill-​ġens taʼ Iżrael insibu istruzzjonijiet speċifiċi dwar dak li kien hemm bżonn isir meta individwu jkun dineb. Pereżempju, meta xi ħadd ikun dineb kontra xi ħadd ieħor jew ikun kiser waħda mil-​liġijiet t’Alla, kien ikollu jistqarr dnubu lil qassis maħtur mit-​tribù taʼ Levi. Imbagħad dan jagħmel tpattija għan-​nom tal-​midneb billi joffri sagrifiċċju lil Alla biex jinħafirlu d-​dnub.—Levitiku 5:1-​6.

Sekli wara, meta l-​profeta Natan ċanfar lis-​Sultan David minħabba dnubietu, David kif wieġeb? Minnufih hu ammetta: “Jien dnibt kontra Ġeħova.” (2 Samwel 12:13) Ukoll, hu talab bil-​ħniena lil Alla għall-​approvazzjoni tiegħu. B’liema riżultat? Iktar tard David kiteb: “Sa fl-​aħħar, dnubi stqarrejtu miegħek, u l-​iżball tiegħi ma bqajtx ngħattih. Jien għedt: ‘Se nistqarr nuqqasijieti lil Ġeħova.’ U int ħfirt l-​iżball taʼ dnubieti.”—Salm 32:5; 51:1-​4.

L-​istqarrija tad-​dnubiet baqgħet ħtieġa minn Alla fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​ewwel seklu tal-​Era Komuni tagħna. Ġakbu, li kien kemm ħu Ġesù mill-​omm kif ukoll wieħed mill-​irġiel li kienu jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni f’Ġerusalemm, ħeġġeġ lil Kristjani sħabu u qalilhom: “Stqarru bil-​miftuħ dnubietkom lil xulxin u itolbu għal xulxin sabiex tfiqu.” (Ġakbu 5:16) Allura, il-​Kristjani x’jeħtieġ jistqarru, u lil min?

X’Għandna Nistqarru?

Kuljum, aħna l-​bnedmin imperfetti għandna t-​tendenza li naġixxu bla ħsieb jew nużaw ilsienna ħażin, u b’hekk nidinbu kontra xulxin. (Rumani 3:23) Ifisser dan li rridu nistqarru kull nuqqas bħal dan lil xi bniedem partikulari li jkollu l-​awtorità?

F’għajnejn Alla kull dnub huwa offiża, iżda peress li hu ħanin hu jqis li n-​nuqqasijiet tagħna jsiru minħabba l-​imperfezzjoni umana li writna. Tabilħaqq, is-​salmista rrikonoxxa: “Kieku int toqgħod għassa għall-​iżbalji, O Jah, O Ġeħova, min jistaʼ jżomm wieqaf? Għax għandek hemm il-​maħfra vera, sabiex ikun hemm il-​biżaʼ tiegħek.” (Salm 130:3, 4) Għalhekk, x’għandna nagħmlu meta niżbaljaw u nidinbu kontra ħaddieħor, forsi bla ma nkunu rridu? Ftakar li t-​talba mudell li Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu tinkludi din ir-​rikjesta: “Aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kulmin għandu d-​dejn magħna.” (Luqa 11:4) Iva, Alla se jaħfrilna jekk induru lejh u nitolbuh maħfra f’isem Ġesù.—Ġwanni 14:13, 14.

Innota li Ġesù inkluda l-​kundizzjoni li aħna wkoll naħfru lil dawk li għandhom “id-​dejn magħna.” L-​appostlu Pawlu fakkar lill-​Kristjani sħabu: “Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-​qalb bħalma Alla wkoll ħafrilkom mill-​qalb bi Kristu.” (Efesin 4:32) Meta aħna naħfru n-​nuqqasijiet t’oħrajn, nistgħu bir-​raġun nistennew li Alla se jaħfrilna n-​nuqqasijiet tagħna.

Iżda xi ngħidu għad-​dnubiet serji bħalma huma s-​serq, il-​gideb, l-​immoralità sesswali, is-​sokor, u affarijiet bħal dawn? Kull min jikkommetti dnubiet bħal dawn qed jikser il-​liġijiet t’Alla, u b’hekk ikun qed jidneb kontra Alla. Għandu l-​individwu jistqarr dnubietu?

Lil Min Għandna Nistqarru Dnubietna?

Alla ma jagħtix l-​awtorità lill-​bnedmin biex jaħfru d-​dnubiet li jsiru kontrih. Hu biss jistaʼ jaħfer dawn id-​dnubiet. Il-​Bibbja tgħidilna ċar u tond: “Jekk nistqarru dnubietna, [Alla] tant hu leali u ġust li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħaġa li mhix sewwa.” (1 Ġwanni 1:9) Madankollu, lil min għandna nistqarru dawn id-​dnubiet?

Ladarba l-​maħfra tistaʼ tiġi biss mingħand Alla, jeħtieġ li nistqarru dnubietna lilu. Bħalma diġà rajna, David hekk għamel. Iżda fuq liema bażi tingħata l-​maħfra? Il-​Bibbja tgħidilna: “Għalhekk, indmu u duru lura sabiex dnubietkom jitħassrulkom, u b’hekk jiġu staġuni taʼ serħan mingħand Ġeħova nnifsu.” (Atti 3:19) M’għandniex xi ngħidu, il-​maħfra ma tiġix biss għax wieħed jirrikonoxxi u jistqarr id-​dnub imma wkoll għax ikun lest li ma jibqax fit-​triq il-​ħażina. Spiss dan il-​pass hu diffiċli. Imma nistgħu nsibu l-​għajnuna.

Ftakar fil-​kliem tad-​dixxiplu Ġakbu li rreferejna għalih qabel: “Stqarru bil-​miftuħ dnubietkom lil xulxin u itolbu għal xulxin sabiex tfiqu.” Ma’ dan il-​kliem Ġakbu żied jgħid: “It-​talb bil-​ħerqa tal-​ġust għandu qawwa kbira f’dak li jistaʼ jwettaq.” (Ġakbu 5:16) Il-​“ġust” jistaʼ jkun wieħed mill-​“anzjani tal-​kongregazzjoni,” li Ġakbu semma fil-​vers 14. Fil-​kongregazzjoni Kristjana hemm “anzjani” spiritwali, maħturin biex jgħinu lil dawk li jridu jiksbu l-​maħfra mingħand Alla. Dawn l-​“anzjani” ma jistgħu jaħfru d-​dnubiet taʼ ebda bniedem, għax ħadd m’għandu l-​awtorità li jaħfer xi dnub taʼ xi ħadd li jkun dineb kontra Alla. a Madankollu, huma kwalifikati spiritwalment biex iwiddbu u jaġġustaw mill-​ġdid lil xi ħadd li jkun ħati taʼ dnub serju, u jgħinuh jagħraf is-​serjetà tad-​dnub tiegħu u l-​bżonn li jindem.—Galatin 6:1.

Għala Għandna Nistqarru Dnubietna?

Sew jekk id-​dnub ikun serju u sew jekk le, min ikun ikkommetta d-​dnub ikun ħassar ir-​relazzjoni tiegħu m’oħrajn u m’Alla. B’hekk, hu forsi jħossu inkwetat jew ansjuż. Hekk kapaċi tagħmel il-​kuxjenza li żejjinna biha l-​Ħallieq. (Rumani 2:14, 15) X’jistaʼ jsir?

Jekk nerġgħu niftħu l-​ktieb taʼ Ġakbu se nsibu dan il-​kliem inkuraġġanti: “Hemm xi ħadd marid [spiritwalment] fostkom? Ħa jsejjaħ għandu lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni, u ħa jitolbu għalih, jidilkuh biż-​żejt f’isem Ġeħova. U t-​talb tal-​fidi jfejjaq lill-​marid, u Ġeħova jqajmu. Ukoll, jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.”—Ġakbu 5:14, 15.

Hawnhekk, għal darb’oħra, l-​anzjani jiġu mħeġġin jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​merħla. Kif? Mhux billi sempliċement jisimgħu lil dak li jkun jistqarr dnubu. Pjuttost, ladarba hemm mard spiritwali involut, jeħtieġ li ssir xi ħaġa sabiex ‘tfejjaq lill-​marid.’ Ġakbu semma żewġ affarijiet li jistgħu jsiru.

L-​ewwel ħaġa hi li “jidilkuh biż-​żejt.” Dan jirreferi għall-​qawwa li għandha l-​Kelma t’Alla biex tfejjaq. L-​appostlu Pawlu spjega li “l-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija . . . u tistaʼ tagħraf il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb,” u tidħol fil-​fond f’moħħ u f’qalb individwu. (Ebrej 4:12) Meta l-​anzjani jużaw il-​Bibbja bis-​sengħa jkunu jistgħu jgħinu lil min ikun marid spiritwalment biex jara xi jkun l-​għerq tal-​problema u jieħu l-​passi meħtieġa biex jirranġa l-​affarijiet quddiem Alla.

Imbagħad hemm “it-​talb tal-​fidi.” Għalkemm it-​talb tal-​anzjani mhuwiex se jbiddel il-​mod kif Alla juża l-​ġustizzja tiegħu, dan it-​talb huwa importanti għal Alla għax hu ħerqan li jaħfer id-​dnub fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa. (1 Ġwanni 2:2) Alla hu lest li jgħin lil kwalunkwe midneb li jkun nidem ġenwinament u li jwettaq “għemejjel li jixirqu lill-​indiema.”—Atti 26:20.

L-​iktar raġuni importanti għala wieħed għandu jistqarr xi dnub li jkun għamel kontra xi ħadd jew kontra Alla hi sabiex jikseb l-​approvazzjoni t’Alla. Ġesù Kristu indika li qabel ma nkunu nistgħu nqimu lil Alla b’kuxjenza tajba, l-​ewwel għandna nsolvu kwalunkwe problema li jkollna maʼ bnedmin oħrajn u nkunu fil-​paċi magħhom. (Mattew 5:23, 24) Proverbji 28:13 jgħid: “Min jgħatti n-​nuqqasijiet tiegħu m’huwiex se jirnexxi, imma min jistqarrhom u jitlaqhom jintwera ħniena.” Meta numiljaw ruħna f’għajnejn Alla Ġeħova u nitolbu maħfra, se niksbu l-​approvazzjoni tiegħu u niġu eżaltati meta jkun il-​waqt.—1 Pietru 5:6.

[Nota taʼ taħt]

a Xi wħud iqisu l-​kliem taʼ Ġesù li nsibu fi Ġwanni 20:22, 23 bħala li jappoġġa l-​irwol li għandhom dawk l-​uħud li n-​nies imorru jqerru għandhom. Għal diskussjoni dettaljata dwar dan il-​punt ara t-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż, tal-​15 t’April, 1996, paġni 28-​29.

[Kumment f’paġna 10]

Alla se jagħlaq għajnejh għan-​nuqqasijiet tagħna u jaħfrilna jekk induru lejh u nitolbuh maħfra f’isem Ġesù

[Stampa f’paġna 11]

L-​iktar raġuni importanti għala wieħed għandu jistqarr xi dnub hi sabiex jikseb l-​approvazzjoni t’Alla