Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

Kien Ġesù jiġi minn xi ħadd mit-​tnax-​il appostlu tiegħu?

L-​Iskrittura ma tagħtix tweġiba definittiva għal din il-​mistoqsija. Madankollu, it-​tradizzjoni u ċerta evidenza jindikaw li mid-​dehra xi wħud mit-​12-​il appostlu kienu jiġu minn Ġesù.

Il-​kittieba tal-​Evanġelju jagħtu l-​ismijiet tan-​nisa li kienu preżenti meta Ġesù kien qed imut fuq iz-​zokk tat-​tortura. Ġwanni 19:25 jidentifika erbgħa minnhom: “Ommu [Marija] u oħt ommu; Marija mart Klofa, u Marija l-​Maddalena.” Meta nqabblu dan il-​vers mad-​deskrizzjonijiet tal-​istess xena li taw Mattew u Marku nistgħu naslu għall-​konklużjoni li oħt omm Ġesù kienet Salomè. U milli jidher din Salomè, kienet omm ulied Żebedew. (Mattew 27:55, 56; Marku 15:40) Uliedha, li xi mkien ieħor ġew identifikati bħala Ġakbu u Ġwanni, b’hekk jiġu l-​primi kuġini taʼ Ġesù. Lil dawn iż-​żewġt aħwa, li kienu sajjieda, Ġesù sejħilhom biex ikunu dixxipli tiegħu.—Mattew 4:21, 22.

Skont tradizzjoni bbażata fuq informazzjoni li mhijiex Biblika, Klofa, jew Alfew, ir-​raġel taʼ waħda min-​nisa msemmijin fi Ġwanni 19:25, kien ħu Ġużeppi, il-​missier adottiv taʼ Ġesù. Jekk din it-​tradizzjoni hija bbażata fuq il-​fatti, allura anki Ġakbu bin Alfew, appostlu ieħor mit-​tnax, kien il-​kuġin taʼ Ġesù.—Mattew 10:3.

Ġesù u Ġwanni l-​Għammied kif kienu jiġu minn xulxin?

Xi wħud jemmnu li dawn iż-​żewġt irġiel kienu sekondi kuġini. Dan it-​twemmin hu bbażat fuq traduzzjoni mhix eżatta taʼ Luqa 1:36. Pereżempju, f’dan il-​vers, il-​Bibbja tal-​King James Version tgħid li Eliżabetta, omm Ġwanni, u Marija, omm Ġesù, kienu kuġini.

Iżda, fir-​realtà, il-​kelma bil-​Grieg oriġinali użata f’dan il-​vers mhijiex daqstant speċifika. Din tindika sempliċement li ż-​żewġ nisa kienu jiġu minn xulxin, u mhux neċessarjament li kienu kuġini. Bħalma jgħid The Interpreter’s Dictionary of the Bible, “it-​terminu hu ġenerali wisq biex ikun jistaʼ jgħinna niddeterminaw kif jiġu eżatt minn xulxin.” Allura, minn fejn ġiet l-​idea li Ġesù u Ġwanni kienu kuġini? The Catholic Encyclopedia twieġeb: “L-​informazzjoni kollha li għandna dwar . . . il-​ġenituri taʼ Marija . . . hi meħuda minn letteratura apokrifa.”

B’hekk, Ġesù u Ġwanni x’aktarx kienu jiġu minn xulxin mill-​bogħod, għalkemm mhux neċessarjament kienu sekondi kuġini.