Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Veru li n-Nies fiż-Żminijiet Bibliċi Kienu Jgħixu Ħajja Daqshekk Twila?

Veru li n-Nies fiż-Żminijiet Bibliċi Kienu Jgħixu Ħajja Daqshekk Twila?

JEANNE LOUISE CALMENT mietet fl-​4 t’Awwissu, 1997, f’raħal twelidha fix-​Xlokk taʼ Franza. Hi mietet taʼ 122 sena!

Illum, l-​avanzi fix-​xjenza, fil-​kura tas-​saħħa, u f’oqsma oħrajn qed jgħinu lin-​nies jgħixu iktar. Xorta waħda, ftit huma n-​nies li jgħixu sa 100 sena jew iktar. Huwa forsi għalhekk li meta xi nies jgħixu daqshekk fit-​tul jissemmew fl-​aħbarijiet, kif ġara fil-​każ taʼ Madame Calment.

Il-​Bibbja tgħid li fiż-​żminijiet tal-​qedem in-​nies kienu jgħixu ħajja ħafna iktar twila; xi wħud għexu kważi elf sena. Huwa dan veru jew kredibbli? Veru li n-​nies fiż-​żminijiet Bibliċi kienu jgħixu ħajja daqshekk twila? Huwa dan taʼ interess għalina llum?

Nies li Għexu Snin Twal

Il-​ktieb Bibliku tal-​Ġenesi jitkellem dwar sebat irġiel li għexu iktar minn 900 sena u li kollha kemm huma twieldu qabel id-​Dilluvju taʼ żmien Noè. Dawn kienu Adam, Set, Enos, Kenan, Ġared, Metuselaħ, u Noè. (Ġenesi 5:5-​27; 9:29) Il-​maġġuranza tan-​nies forsi mhumiex familjari maʼ ħafna minn dawn l-​irġiel, imma lkoll kemm huma kienu fost l-​ewwel għaxar ġenerazzjonijiet fl-​istorja tal-​bniedem. Metuselaħ huwa magħruf sew għax kien l-​iktar bniedem li għex—rekord taʼ 969 sena!

Il-​Bibbja ssemmi minn tal-​inqas 25 persuna oħra li wkoll għexu iktar milli jgħixu n-​nies illum. Xi wħud minnhom għexu 300, 400, u saħansitra 700 sena jew iktar. (Ġenesi 5:28-​31; 11:10-​25) Madankollu, għal ħafna nies, rakkonti Bibliċi taʼ nies li għexu ħajja daqshekk twila, mhuma xejn ħlief ħrejjef. Huwa dan minnu?

Ħrafa Jew Rakkont taʼ Min Joqgħod Fuqu?

Skont dokument maħruġ mill-​Istitut Max Planck għar-​Riċerka Demografika fil-​Ġermanja, xi riċerkaturi kkonfermaw l-​età taʼ Madame Calment, li ssemmiet qabel. Dan għamluh billi ġabru ftit mill-​“istqarrijiet sempliċi u li ġew provati li huma veri” li qalet hi stess. Dawn l-​istqarrijiet kellhom konnessjoni magħha jew mal-​qraba tagħha fiż-​żmien li seħħew ċerti ġrajjiet. Dak li qalet hi ġie mqabbel maʼ dak li kien hemm imniżżel fir-​rekords taċ-​ċivil, tan-​nutar, u tal-​knisja, kif ukoll mal-​artikli tal-​gazzetti u maċ-​ċensimenti tal-​popolazzjoni. Huwa taʼ interess li, għalkemm kien impossibbli li jiġi konfermat kull dettall, l-​evidenza kemm diretta u kemm indiretta għamlitha possibbli li jiġi konfermat kemm għexet.

Xi ngħidu dwar ir-​rakkonti tal-​Bibbja? Taw prova li huma taʼ min joqgħod fuqhom? Iva assolutament! Għalkemm is-​sorsi sekulari disponibbli ma kkonfermawx id-​dettalji kollha, għal darba wara l-​oħra l-​evidenza wriet li dak li hemm miktub fil-​Bibbja hu taʼ min joqgħod fuqu mill-​ħarsa kemm storika, kemm xjentifika, u kif ukoll kronoloġika. a Dan m’għandux jissorprendina għax il-​Bibbja stess tgħid li “Alla hu veru, għalkemm kull bniedem jintwera li hu giddieb.” (Rumani 3:4) Peress li l-​Bibbja hi ktieb “imnebbaħ minn Alla,” ma fihiex affarijiet fittizji.—2 Timotju 3:16.

Mosè, li kien gwidat minn Alla Ġeħova biex jikteb il-​Pentatewku, jiġifieri l-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja, għandu jiġi klassifikat bħala wieħed mill-​iktar irġiel influwenti u rispettat fl-​istorja tal-​bniedem. Il-​Lhud iqisuh bħala l-​aqwa fost l-​għalliema tagħhom. Il-​Musulmani jikkunsidrawh bħala wieħed mill-​akbar profeti tagħhom. Għall-​Kristjani, Mosè huwa l-​wieħed li witta t-​triq għal Ġesù Kristu. Taħseb li jkun raġunevoli li wieħed jikkonkludi li l-​kitbiet taʼ persuna daqstant importanti fl-​istorja m’għandhomx jiġu emmnuti?

Kien iż-​Żmien Jitkejjel b’Mod Differenti?

Xi wħud allegaw li ż-​żmien kien jitkejjel b’mod differenti f’dawk iż-​żminijiet u li dik li kienet tissejjaħ sena kienet fil-​fatt xahar. Madankollu, analisi tar-​rakkont tal-​Ġenesi ma jħalli l-​ebda dubju li lura f’dawk iż-​żminijiet in-​nies kienu jkejlu ż-​żmien bl-​istess mod li nkejluh illum. Ejja nikkunsidraw żewġ eżempji. Fir-​rakkont tad-​Dilluvju naqraw li d-​Dilluvju beda meta Noè kellu 600 sena, “fit-​tieni xahar, fis-​sbatax tax-​xahar.” Imbagħad ikompli jgħid li l-​ilmijiet għarrqu l-​art għal 150 jum u li “fis-​sebaʼ xahar, fis-​sbatax tax-​xahar l-​arka straħet fuq il-​muntanji t’Ararat.” (Ġenesi 7:11, 24; 8:4) Għalhekk, perijodu taʼ ħames xhur—mis-​17–il jum tat-​tieni xahar sas-​17-​il jum tas-​sebaʼ xahar taʼ dik is-​sena—jintqal li jammonta għal 150 jum. Mela jidher ċar li l-​allegazzjoni li sena kienet fil-​fatt xahar m’għandha bażi taʼ xejn.

Issa ejja nikkunsidraw it-​tieni eżempju. Skont Ġenesi 5:15-​18, Maħalalel kellu iben fl-​età taʼ 65 sena, għex 830 sena oħra, u miet fl-​età taʼ 895 sena. In-​neputi tiegħu, Enok, ukoll kellu iben meta kellu 65 sena. (Ġenesi 5:21) Li kieku sena kienet verament xahar, kieku dawn iż-​żewġt irġiel saru missirijiet meta kellhom biss ħames snin! Dan kollu jagħmel sens?

Anki l-​arkeoloġija tagħti evidenza taʼ dan għax taqbel maʼ stqarrijiet Bibliċi dwar nies li għexu ħajja twila. Dwar il-​patrijarka Abraham, il-​Bibbja tgħid li hu kien mill-​belt taʼ Ur, li iktar tard mar jgħix fil-​belt taʼ Ħaran, imbagħad fir-​reġjun taʼ Kangħan, u li ġġieled u rebaħ lil Kedorlagħomer, sultan taʼ Elam. (Ġenesi 11:31; 12:5; 14:13-​17) Xi skoperti kkonfermaw li dawn il-​postijiet u n-​nies tassew eżistew. Ukoll, l-​arkeoloġija għenitna nifhmu aħjar il-​ġeografija tal-​artijiet u d-​drawwiet tan-​nies li ssemmew b’konnessjoni maʼ Abraham. Ladarba dawn l-​istqarrijiet Bibliċi dwar Abraham huma eżatti, għala għandhom iqumu dubji dwar l-​età tiegħu taʼ 175 sena?—Ġenesi 25:7.

Għalhekk, m’hemm l-​ebda raġuni għala għandna niddubitaw l-​istqarrijiet li tagħmel il-​Bibbja dwar xi nies tal-​qedem li għexu ħajja twila ħafna. Imma għandek mnejn tistaqsi lilek innifsek, ‘Għala għandu jkun taʼ interess għalija jekk dawn in-​nies għexux ħajja daqshekk twila jew le?’

Int Tistaʼ Tgħix Iktar Milli Qed Taħseb!

Il-​ħajja twila taʼ dawn in-​nies li għexu qabel id-​Dilluvju hi evidenza li l-​ġisem uman għandu l-​potenzjal rimarkevoli li jgħix ħajja twila. It-​teknoloġija moderna ppermettiet lix-​xjenzati jagħtu ħarsa iktar mill-​qrib lejn il-​ġisem uman u l-​mod meraviljuż kif inhu msawwar, inkluż il-​kapaċità tal-​għaġeb li għandu biex jerġaʼ jiġġenera u jfejjaq lilu nnifsu. X’kienet il-​konklużjoni tagħhom? Li l-​ġisem kapaċi jgħix għal dejjem. Il-​Professur tal-​Mediċina Tom Kirkwood jgħid: “[Ix-​xjuħija] tibqaʼ waħda mill-​akbar misteri tax-​xjenza medika.”

Iżda għal Alla Ġeħova x-​xjuħija la hi misteru u lanqas hi problema mingħajr soluzzjoni. Hu ħalaq lill-​ewwel raġel, Adam, perfett u kellu l-​iskop li l-​bnedmin jgħixu għal dejjem. B’sogħba, Adam iddeċieda li jirribella kontra Alla. B’riżultat taʼ dan, hu waqaʼ fid-​dnub u sar imperfett. Din hi l-​ispjegazzjoni li x-​xjenzati tant ilhom ifittxu: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Huwa minħabba d-​dnub u l-​imperfezzjoni li aħna nimirdu, nixjieħu, u mmutu.

Madankollu, l-​iskop tal-​Ħallieq tagħna kollu mħabba qatt ma tbiddel. Biex jagħti prova sinifikanti taʼ dan hu pprovda lil Ibnu, Ġesù Kristu, bħala s-​sagrifiċċju tal-​fidwa. Dan is-​sagrifiċċju għamilha possibbli li jkollna l-​perfezzjoni u l-​ħajja taʼ dejjem. Il-​Bibbja tgħid: “Bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-​ħajja fil-​Kristu.” (1 Korintin 15:22) In-​nies qabel id-​Dilluvju kienu iktar qrib il-​perfezzjoni minna, u huwa proprju għalhekk li kienu jgħixu iktar—ħafna iktar—milli ngħixu llum. Imma llum aħna eqreb lejn iż-​żmien li titwettaq il-​wegħda t’Alla. Dalwaqt se tgħib kull traċċa taʼ dnub u imperfezzjoni u n-​nies mhux se jixjieħu u jmutu.—Isaija 33:24; Titu 1:2.

Kif tistaʼ tirċievi barkiet bħal dawn? Tassumix li dak li wiegħed Alla hu sempliċement ħolma. Ġesù qal: “Min jismaʼ kelmti u jemmen lil dak li bagħatni għandu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 5:24) Għalhekk, ħu l-​għarfien mill-​Bibbja u applikah. Jekk tagħmel dan, tkun qed issegwi l-​eżempju taʼ dawk li l-​appostlu Pawlu tkellem dwarhom bħala li “jqiegħdu fis-​sigurtà għalihom infushom pedament tajjeb għall-​futur sabiex jaqbdu qabda soda mal-​ħajja vera.” (1 Timotju 6:19) Tistaʼ tibqaʼ ċert li l-​Alla li għamilha possibbli li n-​nies imsemmijin fil-​Bibbja jibqgħu jgħixu ħajja daqshekk twila, jistaʼ jagħmilha possibbli għalik li tgħix għal dejjem!

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar dettalji, ara l-​ktieb The Bible—God’s Word or Man’s? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Graff f’paġna 20]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

1000*

969 METUSELAĦ*

950 NOÈ*

930 ADAM*

900*

800*

700*

600*

500*

400*

300*

200*

100* BNIEDEM TAL-​LUM

*ETAJIET