Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .

Il-Kristjani Leali Kollha Jmorru fis-Sema?

Il-Kristjani Leali Kollha Jmorru fis-Sema?

▪ Ħafna qraw il-​kliem taʼ faraġ taʼ Ġesù: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Ried ifisser Ġesù li l-​aduraturi leali kollha taʼ Missieru, Alla Ġeħova, kienu se jmorru fis-​sema biex igawdu ħajja taʼ dejjem f’hena veru?

Innota l-​istqarrija taʼ Ġesù li tqanqal il-​ħsieb: “Ebda bniedem ma telaʼ fis-​sema ħlief dak li niżel mis-​sema, Bin il-​bniedem.” (Ġwanni 3:13) Dan jimplika li aduraturi leali tal-​passat, bħal Noè, Abraham, Mosè, u David, ma marrux fis-​sema. (Atti 2:34) Allura, dawn kollha fejn marru? Fil-​qosor: Il-​leali tal-​qedem qegħdin fil-​qabar, reqdin fil-​mewt, konxji taʼ xejn, u jistennew irxoxt.—Ekkleżjasti 9:5, 6; Atti 24:15.

Ġesù hu l-​ewwel wieħed li jsemmi li xi wħud kienu se jgħixu fis-​sema wara li jmutu. Hu qal lill-​appostli tiegħu li kien se jħejjilhom post fis-​sema. (Ġwanni 14:2, 3) Din kienet xi ħaġa ġdida għan-​nies t’Alla. L-​appostlu Pawlu iktar tard spjega li wara l-​mewt taʼ Ġesù u l-​irxoxt tiegħu fis-​sema, Ġesù ‘inawgura triq ġdida u ħajja għad-​dixxipli tiegħu’—triq li ebda bniedem ma kien għadda minnha qabel.—Ebrej 10:19, 20.

Ifisser dan li minn dakinhar ’il quddiem dawk kollha li huma leali kienu se jmorru fis-​sema? Le, għax l-​irxoxt għas-​sema hu relatat mill-​qrib maʼ inkarigu li ngħata biss lil xi bnedmin. Fl-​aħħar lejla tagħhom flimkien, Ġesù qal lill-​appostli tiegħu li kienu se ‘joqogħdu bil-​qiegħda fuq tronijiet biex jiġġudikaw’ fis-​Saltna tiegħu tas-​sema. B’hekk, li jaħkmu maʼ Ġesù fis-​sema kien se jkun l-​inkarigu tagħhom.—Luqa 22:28-​30.

Minbarra l-​appostli, bnedmin oħrajn ukoll kienu se jingħataw dan l-​inkarigu meraviljuż. F’viżjoni, l-​appostlu Ġwanni ra lil Ġesù maʼ grupp taʼ wħud irxoxtati fis-​sema deskritt bħala ‘saltna u qassisin [biex] isaltnu għal fuq l-​art.’ (Rivelazzjoni 3:21; 5:10) Kemm kien hemm minnhom? Bħal f’kull gvern, numru limitat biss jiggverna. Hekk ukoll f’din is-​Saltna fis-​sema. Ġesù, il-​Ħaruf t’Alla, jaħkem maʼ 144,000 ħakkiem ieħor li “nxtraw minn fost il-​bnedmin.”—Rivelazzjoni 14:1, 4, 5.

Veru, 144,000 hu numru żgħir meta mqabbel man-​numru tal-​uħud leali kollha, tal-​passat u tal-​preżent. Imma dan nistgħu nifhmuh għax il-​144,000 huma rxoxtati fis-​sema għal inkarigu sagru taʼ xogħol speċifiku. Li kellek tibni dar, kont se tqabbad lill-​bennejja kollha tas-​sengħa fl-​inħawi tiegħek? Le. Kieku jkollok bżonn biss biżżejjed ħaddiema għax-​xogħol. B’mod simili, mhux l-​uħud leali kollha huma magħżulin minn Alla għall-​privileġġ uniku li jsaltnu maʼ Kristu fis-​sema.

Dan il-​gvern fis-​sema se jwettaq l-​iskop oriġinali t’Alla għall-​umanità. Ġesù u l-​144,000 li se jaħkmu miegħu se jidderieġu t-​trasformazzjoni tal-​art f’ġenna globali, fejn numru mhux magħruf taʼ wħud leali se jgħixu għal dejjem ferħanin. (Isaija 45:18; Rivelazzjoni 21:3, 4) Dan se jinkludi lil dawk fil-​memorja t’Alla, li se jiġu rxoxtati.—Ġwanni 5:28, 29.

Kull aduratur leali taʼ Ġeħova—tal-​passat u tal-​preżent—jistaʼ jirċievi l-​għotja meraviljuża taʼ ħajja taʼ dejjem. (Rumani 6:23) Ftit se jirċievu ħajja fis-​sema għal inkarigu speċjali, u l-​biċċa l-​kbira se jirċievu ħajja fuq l-​art f’ġenna globali.