Żjara f’Xagħri Abjad Kbir Ħafna
Ittra min-Norveġja
HUWA kmieni f’għodwa xitwija. Aħna nittawlu minn wara l-purtieri biex naraw kif inhu t-temp. Nieħdu gost naraw sema blu! Se nqattgħu tlett ijiem nippritkaw f’Finnmarksvidda—pjanura kbira fuq muntanja lejn it-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku.
Fix-xitwa jkun hemm kesħa xxoqq l-għadam fin-Norveġja, u allura nħossuna ftit ansjużi minħabba li sejrin fix-xagħri lejn it-Tramuntana. Aħna ferħanin li se nivvjaġġaw maʼ tliet Xhieda taʼ Ġeħova li jgħixu fl-inħawi. Huma jafu x’hemm jistenniena u tawna pariri tajbin.
Ma tantx hawn toroq hawnhekk. L-aqwa mod kif tilħaq lin-nies li jgħixu f’postijiet remoti hu permezz taʼ vettura apposta għal fuq is-silġ. Il-ħwejjeġ, l-ikel, u l-fjuwil li għandna bżonn ngħabbuhom fuq il-vetturi u l-islitta tagħna. Sa fejn tagħtik il-vista kulma tara hi pjanura kbira bajda. Is-silġ ileqq bħad-djamanti fix-xemx. Id-dehra hi sabiħa immens!
F’Finnmarksvidda jgħixu renni, ċriev kbar, linċijiet, liebri, volpijiet, wolverines, u popolazzjoni żgħira t’orsijiet. Imma l-iktar ħaġa li aħna eċċitati dwarha hi l-prospett li nilħqu lin-nies li jgħixu f’dan il-post imwarrab. Nixtiequ speċjalment niltaqgħu maʼ xi nies Sami, li jaqilgħu l-għajxien tagħhom billi jirgħu r-renni jew jaħdmu fil-lukandi li hemm fuq il-muntanja.
Quddiem l-ewwel lukanda, niltaqgħu maʼ diversi żgħażagħ li qed jiskijjaw maʼ sħabhom tal-klassi. Jieqfu jitkellmu magħna, u jistaqsuna x’aħna nagħmlu. M’għandniex xi ngħidu, aħna nieħdu pjaċir nispjegawlhom. Hekk kif nitilquhom, wieħed minnhom jgħidilna, “Jalla kollox imurilkom sew!” Nerġgħu nitilgħu fuq il-vetturi tagħna u naqsmu għadajjar iffriżati kbar u deżert abjad. Tgħid se naraw merħla renni?
Hekk kif nieqfu quddiem dar ċkejkna, joħroġ raġel u jilqagħna mill-qalb. Hu wieħed mill-ftit residenti permanenti t’hawnhekk. Meta jinduna li l-islitta tagħna hi mkissra, b’qalb tajba joffri biex isewwihielna. Jagħmel kollox bil-pass tiegħu; in-nies hawnhekk ma jgħaġġlux. Hekk kif narawh anki aħna nħossuna
iktar rilassati. Wara li jsewwi l-islitta, nirringrazzjawh u nuruh ftit punti mill-Bibbja dwar għala Alla jippermetti s-sofferenza. Jismaʼ b’attenzjoni. Qabel ma nitilqu, hu jaċċetta l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? U r-rivisti t-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! Jitbissem u jgħid, “Grazzi talli ġejtu żżuruni.”Wara ftit żjajjar oħra jibda jidlam, u nibdew resqin lejn il-kabina li se nqattgħu l-lejl fiha. F’daqqa waħda nilmħu volpi. Is-suf aħmar tiegħu jagħmel kuntrast mill-isbaħ mas-silġ abjad. Il-volpi jieqaf għal mument, iħares lejna bil-kurżità, u mbagħad ikompli fi triqtu. Issa tibda nieżla l-borra, u tagħmilha diffiċli għalina biex naraw fejn sejrin. Nieħdu r-ruħ xħin fl-aħħar naraw il-kabina. Inqabbdu ħuġġieġa fl-istufa, u l-post ma jdumx ma jisħon. Għalkemm aħna għajjenin mejtin wara ġurnata noqomsu fuq il-vettura, inħossuna kuntenti.
Donnu jisbaħ malajr wisq. Nerġgħu ngħabbu l-vetturi tagħna u nsuqu ’l isfel lejn il-pjanura l-baxxa, nimxu maġenb xmara, u naslu ħdejn lukanda oħra. Hawnhekk niltaqgħu maʼ ġuvni, u naqsmu miegħu diversi ħsibijiet inkuraġġanti mill-Bibbja. B’qalb tajba, hu jurina l-eħfef mod kif nerġgħu lura fil-mogħdija.
Tasal l-aħħar ġurnata taż-żjara tagħna. Hekk kif nidħlu fil-Park Nazzjonali taʼ Stabbursdalen, quddiemna naraw xena meraviljuża, u fil-bogħod naraw muntanji miksijin bis-silġ ileqqu fix-xemx. Quddiemna naraw merħla kbira renni! Qed jieklu bil-kalma, billi jużaw id-difrejn kbar tagħhom biex iħaffru għall-ħażiż moħbi taħt is-silġ. Iktar ’il bogħod, naraw raġel li jitkellem bis-Sami, bilqiegħda fuq il-vettura tiegħu. Qiegħed għall-kwiet iħares lejn ir-renni tiegħu. Il-kelb tiegħu b’attenzjoni qed jieħu ħsieb il-merħla u jżommhom flimkien. Għal mument, il-kelb jieqaf biex ixommna. Iżda, ma jdumx ma jerġaʼ jkompli fuq xogħlu. Naqsmu l-messaġġ tagħna mar-ragħaj. Hu dħuli u joqgħod jismagħna.
Aħna u sejrin lura d-dar naħsbu dwar dawk kollha li ltqajna magħhom fil-vjaġġ tagħna taʼ 300 kilometru. Inħossuna privileġġati li kellna sehem żgħir biex nilħqu lin-nies f’dan ix-xagħri abjad kbir ħafna.
[Sors tal-istampa f’paġna 29]
© Norway Post