1 Alla Hu Misteru—Huwa Minnu Dan?
Dak li għandek mnejn smajt: “Alla jaħdem b’mod misterjuż.”
“L-intimità [t’Alla] bħala Trinità Qaddisa hu misteru li ma tilħqux ir-raġuni waħedha.”—Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, Nru. 237.
Dak li tgħallem il-Bibbja: Ġesù qal li dawk li ‘jieħdu għarfien dwar l-uniku Alla veru’ se jirċievu barkiet. (Ġwanni 17:3) Imma kif nistgħu nieħdu għarfien dwar Alla jekk hu misteru? Alla mhux talli ma jaħbix min hu, imma talli jixtieq li kulħadd isir jafu.—Ġeremija 31:34.
Sintendi, qatt ma se nkunu nafu kollox dwar Alla. Dan hu mistenni għax il-ħsibijiet u t-triqat tiegħu huma ogħla minn tagħna.—Ekkleżjasti 3:11; Isaija 55:8, 9.
Kif jgħinek il-fatt li tkun taf il-verità: Jekk Alla ma jistax jiġi mifhum mill-bnedmin, mela allura huwa għalxejn li tipprova ssir tafu. Madankollu, hu mhux biss jgħinna nifhmuh imma wkoll jgħinna niżviluppaw ħbiberija mill-qrib miegħu. Alla ddeskriva lir-raġel leali Abraham bħala “l-ħabib tiegħi,” u s-Sultan David taʼ Iżrael kiteb: “L-intimità maʼ Ġeħova hi taʼ dawk li jibżgħu minnu.”—Isaija 41:8; Salm 25:14.
Taħseb li hu impossibbli li jkollok ħbiberija intima m’Alla? Forsi għall-ewwel iva, imma nnota x’jgħid Atti 17:27: “[Alla] m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” B’liema mod? Permezz tal-Bibbja, Alla jagħtina dak li għandna bżonn biex insiru nafuh sew. a
Hu jgħidilna li jismu Ġeħova. (Isaija 42:8) Fil-Bibbja nsibu kif ittratta lill-umanità sabiex insiru nafu x’tip t’Alla hu. Iktar minn hekk, Alla jurina l-emozzjonijiet tiegħu. Hu “ħanin u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u għani fil-qalb tajba bl-imħabba u l-verità.” (Eżodu 34:6) L-azzjonijiet tagħna jistgħu jeffettwaw is-sentimenti tiegħu. Pereżempju, il-ġens taʼ Iżrael tal-qedem “ġegħluh iħossu mweġġaʼ” meta rribellaw kontrih, filwaqt li dawk kollha li b’mod għaqli jobduh, iferrħuh.—Salm 78:40; Proverbji 27:11.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar dak li tgħid il-Bibbja dwar Alla, ara kapitlu 1 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kumment f’paġna 4]
Jekk Alla hu Trinità misterjuża, kif nistgħu nsiru nafuh verament?
[Sors tal-Istampa f’paġna 4]
The Trinity c.1500, Flemish School, (16th century) / H. Shickman Gallery, New York, USA / The Bridgeman Art Library International