4 Alla Hu Inġust—Huwa Minnu Dan?
Dak li għandek mnejn smajt: “Din id-dinja hi f’idejn Alla, u kollox iseħħ bir-rieda tiegħu. Ladarba d-dinja hi mimlija diskriminazzjoni, inġustizzja, u moħqrija, bilfors li Alla jikkaġunahom.”
Dak li tgħallem il-Bibbja: Alla mhuwiex is-sors tal-inġustizzja tad-dinja. Rigward Ġeħova, il-Bibbja tgħid: “Perfett għemilu, għax triqatu kollha huma ġustizzja.”—Dewteronomju 32:4.
Alla hu ġeneruż maʼ kulħadd, inkluż maʼ dawk li jidher li ma ħaqqhomx. Pereżempju, “hu jtellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita fuq in-nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mattew 5:45) Hu jittratta lin-nies taʼ kull razza u kultura b’ġustizzja, bħalma juri Atti 10:34, 35: “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.”
Mela, x’inhu s-sors tal-inġustizzja? Ħafna nies jagħżlu li jaġixxu b’inġustizzja, u ma jsegwux l-eżempju taʼ ġustizzja t’Alla. (Dewteronomju 32:5) Ukoll, il-Bibbja turi li Alla qed jippermetti lill-għadu tiegħu, ix-Xitan, ikollu kontroll fuq id-dinja. a (1 Ġwanni 5:19) Madankollu, Alla dalwaqt se jneħħi l-awtorità tax-Xitan minn fuq id-dinja. Alla diġà stabbilixxa l-mezz tiegħu biex “ikisser l-għemejjel tax-Xitan.”—1 Ġwanni 3:8.
Kif jgħinek il-fatt li tkun taf il-verità: Għandek mnejn tibqaʼ konfuż bir-rapporti taʼ korruzzjoni, moħqrija, u inġustizzja li donnhom ma jispiċċaw qatt. Li tkun taf il-kaġun tal-inkwiet se jgħinek tifhem għala l-kundizzjonijiet huma daqstant ħżiena u għala l-aħjar sforzi tal-bniedem biex jagħmel id-dinja post aħjar dejjem ifallu. (Salm 146:3) Minflok ma tiddedika l-ħin u l-enerġija tiegħek biex tagħmel bidliet li jistgħu jirnexxu għal ftit jew lanqas biss jirnexxu, int jistaʼ jkollok tama soda għall-futur ibbażata fuq il-fiduċja fil-wegħdi t’Alla.—Rivelazzjoni 21:3, 4.
Il-fatt li nifhmu s-sors veru tal-inġustizzja jistaʼ jgħinna speċjalment meta t-tbatijiet jolqtuna personalment. Meta niġu trattati b’mod inġust, għandna mnejn ngħajtu għall-għajnuna bħalma għamel il-qaddej t’Alla, Ħabakkuk: “Il-liġi tmewtet, u l-ġustizzja ma toħroġ qatt.” (Ħabakkuk 1:4) Alla ma ċanfarx lil Ħabakkuk talli qal dan. Minflok, Alla assigura lill-qaddej Tiegħu li Hu kien stabbilixxa żmien li fih kien se jirranġa l-kwistjonijiet u għen lil Ħabakkuk isib il-ferħ minkejja l-inkwiet. (Ħabakkuk 2:2-4; 3:17, 18) B’mod simili, li tafda fil-wegħda t’Alla biex ineħħi l-inġustizzja jistaʼ jgħinek issib is-serenità u l-paċi tal-moħħ f’dinja inġusta.
[Nota taʼ taħt]
a Biex issir taf kif beda jeżisti x-Xitan, ara kapitlu 3 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
[Kumment f’paġna 7]
Huwa verament Alla li jikkaġuna t-tbatija u l-inġustizzja?
[Sors tal-Istampa f’paġna 7]
© Sven Torfinn/Panos Pictures