Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 BIJOGRAFIJA

Għamilt is-Servizz ta’ Ġeħova l-Karriera Tiegħi

Għamilt is-Servizz ta’ Ġeħova l-Karriera Tiegħi

Wara li ggradwajt mill-kulleġġ f’Jannar tal-1937, dħalt l-Università tal-Istat taʼ Iowa, qrib fejn kont ngħix fl-Amerika ċentrali. Peress li ridt immur l-iskola u ridt naħdem biex inħallas għall-edukazzjoni, ftit li xejn kien jibqagħli ħin għal affarijiet oħra. Ħajti kienet iffokata fuq l-istudju taʼ bini għoli u pontijiet (suspension bridges) minn mindu kont żagħżugħ.

Fil-bidu tal-1942, ftit wara li l-Istati Uniti daħlet fit-Tieni Gwerra Dinjija, kont fil-ħames sena tiegħi l-università u ftit xhur biss ’il bogħod milli nikseb lawrja taʼ perit. Kont qed ngħix f’appartament maʼ żewġt iħbieb. Wieħed minnhom issuġġerieli nitkellem mar-raġel li kien jiġi “jżur lil sħabna li joqogħdu taħtna.” Kien hemm li ltqajt maʼ John O. (Johnny) Brehmer, wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Bqajt imbellah kif setaʼ jsib it-tweġiba mill-Bibbja għal kważi kwalunkwe mistoqsija. Bqajt impressjonat u bdejt nistudja maʼ Johnny fuq bażi regulari, u eventwalment bdejt noħroġ nipprietka miegħu kull meta stajt.

Otto, missier Johnny, kien sar Xhud meta kien maniġer taʼ bank f’Walnut, Iowa. Otto telaq minn dak l-inkarigu biex jiddedika l-ħin tiegħu għas-servizz taʼ Ġeħova. Maż-żmien, l-eżempju mill-aħjar tiegħu, flimkien maʼ dak tal-familja tiegħu, inkuraġġieni nieħu deċiżjoni vitali.

ŻMIEN GĦAL DEĊIŻJONI

Darba, id-dekan tal-università qalli li r-riżultati tiegħi kienu sejrin għall-agħar u li ma stajtx niggradwa bir-riżultati li kont ksibt fil-passat. Niftakarni nitlob bil-ħerqa lil Alla Ġeħova biex jiggwidani. Ftit wara, il-professur tal-inġinerija li kelli bagħat għalija biex niltaqaʼ miegħu. Qalli li kien irċieva rikjesta għal inġinier u li kien ħa l-inizjattiva biex iwieġeb it-telegramma u jgħid li jien kont se naċċetta l-inkarigu. Irringrazzjajt lill-professur imma spjegajtlu għala kont determinat li nagħmel is-servizz taʼ Ġeħova l-karriera tiegħi. Fis-17 taʼ Ġunju, 1942, tgħammidt u kważi mill-ewwel ġejt maħtur biex naqdi bħala pijunier, kif jissejħu dawk li jqattgħu l-ħin tagħhom fis-servizz taʼ Ġeħova.

Iktar tard fl-1942, irċivejt ittra li kienet tgħid li nqbadt bil-lieva, u sibt ruħi quddiem il-bord tal-lieva nispjega għala l-kuxjenza tiegħi ma ppermettitlix nieħu sehem fil-gwerra. Kont ħadt miegħi l-affidavitijiet mingħand il-professuri tal-università li kitbu dwar il-karattru tajjeb u l-abbiltajiet eċċezzjonali tiegħi bħala perit. Però, minkejja xhieda tajba bħal din, eventwalment qlajt ċitazzjoni taʼ 10,000 dollaru Amerikan u weħilt ħames snin ħabs f’Leavenworth, Kansas.

ĦAJTI FIL-ĦABS

Il-ħabs taʼ Leavenworth illum. Xi 230 minna konna l-ħabs hemmhekk

Iktar minn 230 Xhud żagħżugħ intbagħtu f’ħabs agrikolu, parti mill-ħabs federali taʼ Leavenworth.  Dan kien razzett li fih irċivejna inkarigi taʼ xogħol taħt it-tmexxija taʼ ħafna gwardjani. Xi wħud minnhom kienu jafu dwar in-newtralità Kristjana tagħna u kienu jaqblu maʼ kif konna naħsbuha.

Ftit mill-gwardjani kkooperaw mal-isforzi tagħna biex inkomplu r-rutina tagħna li jkollna l-laqgħat tal-Bibbja. Għenuna wkoll biex indaħħlu l-letteratura Biblika ġol-ħabs. Id-direttur tal-ħabs saħansitra abbona għar-rivista Consolation (issa Stenbaħ!)!

IL-ĦELSIEN TIEGĦI, U S-SERVIZZ MISSJUNARJU

Wara li skontajt tlieta mill-ħames snin tas-sentenza tiegħi, inħlist nhar is-16 taʼ Frar, 1946, ftit xhur wara li spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija. Immedjatament, erġajt bdejt naqdi bħala pijunier fil-ministeru full-time. L-inkarigu tiegħi kien li nerġaʼ mmur fil-belt taʼ Leavenworth, Kansas. L-idea kienet tal-biżaʼ għalija għax il-preġudizzju kontra x-Xhieda taʼ Ġeħova kien kbir hemmhekk. Kien diffiċli nsib xogħol biex immantni lili nnifsi, u iktar u iktar biex insib post fejn noqgħod.

Niftakar meta ltqajt maʼ gwardjan li għajjat, “Aqbeż ’il barra mill-proprjetà tiegħi!” Meta rajt il-pala tal-bejżbol f’idu, telgħetli għoqla fi griżmejja u malajr dabbart rasi. F’dar oħra, waħda mara qaltli, “Stenna minuta,” u għalqet il-bieb. Stennejt sakemm fl-aħħar infetħet tieqa mis-sular taʼ fuq u kaskata taʼ ilma tal-platti maħmuġ ġabitni għasra. Xorta waħda, il-ministeru tiegħi ġabli barkiet. Iktar tard sirt naf li xi wħud li kienu ħadu l-letteratura Biblika mingħandi kienu saru Xhieda.

Fl-1943 twaqqfet skola ġdida għall-missjunarji fi New York. Ġejt mistieden nattendi, u ggradwajt mill-għaxar klassi tagħha fit-8 taʼ Frar, 1948. L-iskola bdiet tissejjaħ l-Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead). Malli ggradwajt irċivejt inkarigu fil-Gold Coast, issa magħruf bħala l-Gana.

Meta wasalt fil-Gold Coast, l-inkarigu tiegħi kien li nipprietka lil uffiċjali tal-gvern u nies Ewropej. Matul tmiem il-ġimgħa kont naħdem maʼ kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova u kont ngħin lill-membri tagħha fil-ministeru minn dar għal dar. Żort ukoll postijiet fejn kien hemm Xhieda iżolati u ħarriġthom fil-ministeru. Barra minn hekk, qdejt bħala indokratur li jivvjaġġa fil-Côte d’Ivoire, li kien fil-viċin.

Waqt li kont qed naqdi f’dawk l-inħawi, tgħallimt ngħix kif kienu jgħixu l-Afrikani tal-post—norqod f’għarix magħmul mit-tajn, niekol b’idejja, u nitbaxxa “barra” bħalma għamlu l-Iżraelin fix-xagħri. (Dewteronomju 23:12-14) Minħabba li konna nagħmlu hekk, jien u l-missjunarji sħabi żviluppajna reputazzjoni tajba. In-nisa taʼ xi uffiċjali lokali bdew jistudjaw il-Bibbja magħna. Allura meta xi wħud bdew jagħmlulna l-bsaten  fir-roti u rnexxielhom jiksbu ordni biex il-viżi tagħna jiġu rtirati, in-nisa tal-uffiċjali għamlu pressjoni lil żwieġhom u d-deċiżjoni ġiet irriversjata!

Bħal ħafna missjunarji oħrajn fl-Afrika, eventwalment qabditni l-malarja. Kien jaqbadni tkexkix taʼ bard u deni li kien iġegħelni nibda nhewden. Xi drabi, kien ikolli nżomm geddumi biex ma jċekċkux snieni. Minkejja dan, is-servizz tiegħi kompla jġibli l-ferħ u s-sodisfazzjon.

Matul l-ewwel erbaʼ snin tiegħi fl-Afrika, kont nikkorrispondi maʼ Eva Hallquist, li kont iltqajt magħha qabel ma tlaqt mill-Amerika. Sirt naf li kellha tiggradwa mill-21 klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad fid-19 taʼ Lulju, 1953, waqt il-konvenzjoni internazzjonali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi New York’s Yankee Stadium. Jien għamilt ftehim maʼ kaptan taʼ vapur biex naħdem fuq il-vapur tiegħu ħalli nagħmel tajjeb għall-passaġġ lejn l-Amerika.

Wara 22 ġurnata, xi kultant f’baħar qawwi, wasalt u mort niltaqaʼ maʼ Eva fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn. Hemmhekk, fuq bejt b’veduta u sfond impressjonanti tal-port taʼ New York, ipproponejtilha. Wara, Eva ġiet il-Gold Coast biex taqdi miegħi hemmhekk.

NIEĦU ĦSIEB IR-RESPONSABBILTAJIET TAL-FAMILJA

Wara li qdejt maʼ Eva fl-Afrika għal diversi snin, irċivejt ittra mingħand ommi li kienet tgħid li missieri kien qed imut bil-kanċer. Malli ngħatajna l-leave mill-inkarigu tagħna, jien u Eva rritornajna lejn l-Amerika. Saħħet il-papà malajr qalbet għall-agħar, u ftit wara miet.

Iktar tard, meta konna ilna li rritornajna fil-Gana kważi erbaʼ snin, sirna nafu li s-saħħa t’ommi kienet ħażina ħafna. Xi ħbieb issuġġerew li jien u Eva nirritornaw biex nieħdu ħsiebha. Dik kienet l-iktar deċiżjoni diffiċli li qatt kellna nagħmlu. Wara 15-il sena taʼ servizz missjunarju, li 11 minnhom qdejniehom flimkien, irritornajna lejn l-Istati Uniti.

Laqgħa maʼ kap lokali fil-Gold Coast, issa l-Gana

Maż-żmien, bdejna niftiehmu bejnietna min kien se jieħu ħsieb ommi, u għennieha tattendi l-laqgħat kull meta setgħet. Fis-17 taʼ Jannar, 1976, mietet fl-għomor taʼ 86 sena. Imma qlajt daqqa taʼ ħarta ikbar disaʼ snin wara. Eva nstab li kellha l-kanċer. Iġġilidnielha kemm stajna din il-marda, imma fl-aħħar tilfet il-ġlieda u mietet fl-4 taʼ Ġunju, 1985, fl-għomor taʼ 70 sena.

IKTAR BIDLIET F’KARRIERA SODISFAĊENTI

Fl-1988 ġejt mistieden nattendi d-dedikazzjoni tal-uffiċċju tal-fergħa fil-Gana li kien għadu kif sar tkabbir fih. X’okkażjoni memorabbli! Xi 40 sena qabel, meta wasalt il-Gana wara li ggradwajt minn Gilegħad, kien hemm biss ftit mijiet taʼ Xhieda. Sal-1988 kienu qabżu l-34,000, u issa hemm kważi 114,000!

Sentejn wara li żort il-Gana żżewwiġt lill-ħabiba tal-qalb taʼ Eva, Betty Miller, fis-6 taʼ Awwissu, 1990. Flimkien komplejna nagħmlu s-servizz taʼ Ġeħova l-karriera tagħna. Nixxennqu għall-ġurnata meta nerġgħu naraw lin-nanniet, lill-ġenituri, u lil Eva fl-irxoxt fil-Ġenna tal-art.—Atti 24:15.

Jaqbiżli d-dmugħ meta naħseb fil-privileġġ grandjuż li ntużajt minn Ġeħova għal iktar minn 70 sena fis-servizz tiegħu. Spiss nirringrazzjah talli ggwidani lejn li nagħmel karriera fis-servizz tiegħu. Għalkemm għandi fuq id-90 sew, Ġeħova, l-ikbar perit fl-univers, kompla jagħtini s-saħħa u l-kuraġġ biex inkompli fil-karriera tiegħi fis-servizz tiegħu.