Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-GWERRA LI BIDDLET ID-DINJA

Il-perċimes veru tal-gwerra u t-tbatija

Il-perċimes veru tal-gwerra u t-tbatija

Fil-​11 taʼ Novembru 1918, l-​Ewwel Gwerra Dinjija ġiet fi tmiemha. Il-​ħwienet għalqu, u n-​nies ħarġu jiżfnu fit-​toroq. Imma ż-​żfin ma damx wisq. Theddida oħra—saħansitra iktar qattiela mill-​maxingann—malajr segwiet il-​gwerra dinjija.

Pesta qattiela magħrufa bħala l-​influwenza Spanjola invadiet il-​kampijiet tal-​battalja taʼ Franza f’Ġunju tal-​1918. Il-​virus malajr ta prova taʼ kemm setaʼ jkun qattiel. Pereżempju, f’temp taʼ ftit xhur, qatel iktar suldati Amerikani fi Franza milli qatlu s-​suldati tal-​għadu. U l-​influwenza xterdet bl-​għaġla madwar il-​globu hekk kif it-​truppi ħaduha magħhom meta rritornaw lura lejn pajjiżhom wara li spiċċat il-​gwerra.

Is-​snin taʼ wara l-​gwerra kienu mmarkati wkoll b’ġuħ u għaks. Fil-​biċċa l-​kbira tal-​Ewropa kien hemm ġuħ kbir meta ntemm il-​ġlied fl-​1918. Sal-​1923, il-​munita Ġermaniża kienet prattikament bla siwi. Sitt snin wara, l-​ekonomija tad-​dinja kollha kkrollat. U fl-​aħħar, fl-​1939, bdiet it-​Tieni Gwerra Dinjija—sa ċertu punt kontinwazzjoni tal-​ewwel konflitt globali. X’kien hemm wara din is-​sensiela unika taʼ katastrofijiet?

IS-​SINJAL TAL-​AĦĦAR JIEM

Profeziji Bibliċi jgħinuna naraw x’hemm wara ċerti avvenimenti fl-​istorja, u dan hu speċjalment minnu rigward l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Ġesù Kristu bassar żmien meta “ġens iqum kontra ġens” u n-​nuqqas tal-​ikel u l-​mard li jittieħed kellhom jinfirxu madwar id-​dinja. (Mattew 24:3, 7; Luqa 21:10, 11) Hu qal lid-​dixxipli tiegħu li gwajijiet bħal dawn kienu se jifformaw sinjal tal-​aħħar jiem. Iktar dettalji jistgħu jinstabu fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, li jassoċja gwajijiet fuq l-​art maʼ gwerra fis-​sema.—Ara l-​kaxxa  “Gwerra fuq l-​art u gwerra fis-​sema.”

Dan l-​istess ktieb tal-​Bibbja jiddeskrivi erbaʼ rikkieba fuq żwiemel, kultant imsejħin ir-​rikkieba tal-​Apokalissi. Tlieta minn dawn ir-​rikkieba jagħtu stampa tal-​istess diżastri li iktar kmieni kien bassar Ġesù—il-​gwerra, il-​ġuħ, u l-​mard li jittieħed. (Ara l-​kaxxa  “Veru li l-​erbaʼ rikkieba taż-​żwiemel għadhom għaddejjin?”) Jidher ċar li l-​ewwel gwerra dinjija tat bidu għal żmien taʼ tbatija li ma battiex. U l-​Bibbja turi li Satana kien dak li, biex ngħidu hekk, ġibed il-​grillu. (1 Ġwanni 5:19) Il-​qawwa tiegħu se titrażżan xi darba?

Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jassigurana wkoll li Satana fadallu biss “żmien qasir.” (Rivelazzjoni 12:12) Għal din ir-​raġuni hu inkorlat u jxewwex għawġ kbir hawn fuq l-​art. Però, bl-​istess raġunar, l-​inkwiet li naraw jagħti prova li ż-​żmien li Satana baqagħlu qed jonqoslu.

JITKISSRU L-​GĦEMEJJEL TAX-​XITAN

L-​Ewwel Gwerra Dinjija kienet tabilħaqq bidla kruċjali fl-​istorja. Ġabet żmien taʼ gwerer kullimkien, bdiet irvellijiet u nuqqas taʼ fiduċja fil-​mexxejja umani. Ukoll, tagħti provi ċari tat-​tkeċċija taʼ Satana mis-​sema. (Rivelazzjoni 12:9) U dan il-​ħakkiem tad-​dinja li ma jidhirx irreaġixxa bħal dittatur kattiv li jaf li fadallu ftit żmien x’jaħkem. Meta dawk il-​jiem jaslu fi tmiemhom, iż-​żmien tal-​inkwiet li beda bl-​Ewwel Gwerra Dinjija sa fl-​aħħar jintemm.

Skont il-​profeziji Bibliċi, għandek raġuni biex temmen li Ġesù Kristu, is-​Sultan tagħna fis-​sema, dalwaqt se “jkisser l-​għemejjel tax-​Xitan.” (1 Ġwanni 3:8) Miljuni diġà qed jitolbu għas-​Saltna t’Alla. Tagħmel hekk int? Grazzi għal dik is-​Saltna, nies taʼ fidi fl-​aħħar se jaraw ir-​rieda t’Alla—u mhux dik taʼ Satana—issir fuq l-​art. (Mattew 6:9, 10) Taħt is-​Saltna t’Alla, qatt iktar mhu se jkun hemm xi gwerra! (Salm 46:9) Sir af dwar dik is-​Saltna u għix biex tara ż-​żmien meta l-​art tkun mimlija paċi!—Isaija 9:6, 7.

^ par. 20 Ara kapitlu 8 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.