Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont taf?

Kont taf?

X’kienet is-​sabbara li kienet tintuża fi żminijiet Bibliċi?

Is-​sabbara ġiet mis-siġra tal-agarwood

Il-​Bibbja tgħid li s-​sabbara kienet tintuża biex tfewwaħ il-​ħwejjeġ u l-​friex. (Salm 45:8; Proverbji 7:17; L-Għanja taʼ Salamun 4:14) X’aktarx li s-​sabbara tal-​Bibbja ġiet mill-​Agarwood (speċi mill-​Aquilaria). Hekk kif l-​injam jitmermer, minnu joħroġ żejt u raża tfuħ. L-​injam kien jintaħan fi trab, li mbagħad kien jinbiegħ bħala “sabbara.”

Il-​Bibbja tqabbel it-​tined taʼ Iżrael mas-​sabbara “li ħawwel Ġeħova.” (Numri 24:5, 6) Dan għandu mnejn jirreferi għall-​forma tas-​siġra tal-​Agarwood, li tistaʼ tikber madwar 30 metru għoli u tinfirex ’il barra. Għalkemm din is-​siġra ma tinstabx f’Iżrael tal-​lum, A Dictionary of the Bible jgħid li “m’hemm xejn li jeskludi l-​idea li din is-​siġra u oħrajn li llum mhumiex magħrufin [fir-​reġjun] ġew kultivati fil-​Wied tal-​Ġordan li dak iż-​żmien kien rikk u mgħammar b’ħafna nies.”

Liema offerti kienu aċċettabbli fit-​tempju taʼ Ġerusalemm?

Dan is-​siġill tal-​fuħħar mit-​tempju taʼ ġerusalemm għandu madwar 2,000 sena

Il-​Liġi t’Alla kienet titlob li s-​sagrifiċċji kollha offruti fit-​tempju kellhom ikunu tal-​aqwa kwalità possibbli. Alla ma kienx se jaċċetta sagrifiċċji difettużi. (Eżodu 23:19; Levitiku 22:21-​24) Skont Filo, kittieb Lhudi tal-​ewwel seklu WK, il-​qassisin f’dak iż-​żmien kienu jiflu l-​annimali “minn rashom sa saqajhom” biex jaċċertaw ruħhom li kienu assolutament bla mankament u “mingħajr kwalunkwe tebgħa jew difett.”

L-​istudjuż E. P. Sanders jgħid li jistaʼ jkun li l-​uffiċjali tat-​tempju “awtorizzaw bejjiegħa fdati tal-​annimali għas-​sagrifiċċju biex ibigħu biss annimali u tjur li l-​qassisin ikunu ċċekkjaw minn qabel. F’dan il-​każ, il-​bejjiegħ kellu jagħti lix-​xerrej xi tip taʼ rċivuta li tgħid li l-​vittma kienet bla difett.”

Fl-​2011, l-​arkeoloġi sabu proprju rċivuta bħal din viċin it-​tempju—siġill tal-​fuħħar daqs munita li kien miż-​żmien taʼ bejn l-​ewwel seklu QK u s-​sena 70 WK. L-​iskrizzjoni bl-​Aramajk b’żewġ kelmiet ġiet tradotta “Pur għal Alla.” Huwa maħsub li l-​uffiċjali tat-​tempju kienu jwaħħlu rċivuti bħal dawn maʼ prodotti għall-​użu ritwali jew mal-​annimali intenzjonati għas-​sagrifiċċju.