Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET

Issa nħoss li nistaʼ ngħin lil oħrajn

Issa nħoss li nistaʼ ngħin lil oħrajn
  • SENA TAT-TWELID: 1981

  • POST TAT-TWELID: IL-GWATEMALA

  • PASSAT: TFULIJA TRAĠIKA

IL-PASSAT TIEGĦI:

Jien twilidt f’Acul, raħal iżolat fil-muntanji tal-Punent tal-Gwatemala. Il-familja tiegħi hi min-nies Ixil, grupp etniku ġej mill-Maja. Jien u nikber kont nitkellem bl-Ispanjol u bil-lingwa indiġena tagħna. L-ewwel snin tal-ħajja inzertaw mal-perijodu aħrax taʼ 36 sena tal-gwerra ċivili tal-Gwatemala. Matul dan iż-żmien ħafna Ixil mietu.

Meta kelli erbaʼ snin, ħija taʼ sebaʼ snin kien qed jilgħab b’hand grenade li splodiet aċċidentalment. Minħabba dan l-aċċident, tlift id-dawl t’għajnejja; b’sogħba, ħija tilef ħajtu. Wara dan, qattajt tfuliti f’istitut għat-tfal għomja fil-Belt taʼ Gwatemala, fejn tgħallimt il-Braille. Hemmhekk, għal raġunijiet li ma stajtx nifhem għalkollox, l-istaff ma ħallinix nitkellem maʼ tfal oħra u sħabi l-istudenti evitawni. Dejjem kont waħdi u kont nixxennaq għax-xahrejn fis-sena meta stajt inkun m’ommi, li dejjem kienet qalbha tajba u tagħder. B’sogħba, mietet meta kelli 10 snin. Ħassejtni bħal ras maqtugħa meta sirt naf li tlift l-unika persuna fid-dinja li kienet tħobbni.

Meta kelli 11-il sena, erġajt mort ngħix f’raħal twelidi u bdejt ngħix maʼ ħija mill-missier u l-familja tiegħu. Huma ħadu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi tiegħi imma ħadd ma setaʼ jgħinni emozzjonalment. Kultant, kont nistaqsi lil Alla b’leħen għoli: “Għala mietet ommi? Għala għamejt?” In-nies qaluli li dawn it-traġedji kienu bir-rieda t’Alla. Wasalt għall-konklużjoni li Alla bilfors li hu insensittiv u inġust. L-unika raġuni li m’għamiltx suwiċidju kienet li ma kellix biex.

Minħabba li kont agħma, kont vulnerabbli fiżikament u emozzjonalment. Meta kont tifel, kont ġejt abbużat sesswalment diversi drabi. Qatt ma rrapportajt dawn il-każi—kont naħseb li ħadd ma kien se jagħti kas. In-nies rari kienu jitkellmu miegħi, u jien ma kont nitkellem maʼ ħadd. Kont maqtugħ għalija u dipress u ma kont nafda lil ħadd.

KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Meta kelli xi 13-il sena, tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova (koppja miżżewġa) avviċinawni fil-brejk tal-iskola. Waħda mill-għalliema tal-iskola tiegħi, li kienet tħoss għalija, kienet talbithom iżuruni. Huma qaluli dwar il-wegħda tal-Bibbja li l-mejtin se jiġu rxoxtati u li xi darba l-għomja se jerġgħu jaraw. (Isaija 35:5; Ġwanni 5:28, 29) Dak li għallmuni għoġobni, imma kien diffiċli għalija li nitkellem magħhom, ladarba ma kontx imdorri nitkellem. Madankollu, minkejja li kont mistħi ħafna, bil-paċenzja u qalb tajba baqgħu jżuruni biex jgħallmuni dwar il-Bibbja. Din il-koppja kellhom jimxu iżjed minn 10 kilometri u jgħaddu minn fuq muntanja biex iżuruni fir-raħal tiegħi.

Ħija mill-missier iddeskrivihomli bħala li kienu lebsin pulit imma ma kellhomx ħafna materjalment. Madankollu, dejjem urew interess personali fija, billi ġabuli rigali żgħar. Kont inħoss li l-veri Kristjani biss kienu se juru sagrifiċċju personali bħal dan.

Studjajt il-Bibbja bl-għajnuna taʼ pubblikazzjonijiet bil-Braille. Għalkemm intellettwalment kont nifhem dak li kont qed niġi mgħallem, xi affarijiet kienu diffiċli biex naċċettahom emozzjonalment. Pereżempju, batejt biex nemmen li Alla veru kien jimpurtah minni bħala persuna u li oħrajn, bħal Alla, setgħu verament jimpurtahom minni. Kont nifhem għala Ġeħova jippermetti l-ħażen temporanjament imma kien diffiċli nqisu bħala Missier li veru jħobb. *

Bil-mod il-mod, dak li tgħallimt mill-Iskrittura għenni nbiddel ħarsti. Pereżempju, tgħallimt li Alla jħoss empatija profonda għal dawk li jsofru. Rigward l-aduraturi tiegħu li kienu qed jiġu maltrattati, Alla qal: “Bla dubju jien rajt is-sofferenza tan-nies tiegħi . . . naf tajjeb kemm qed isofru.” (Eżodu 3:7) Meta sirt napprezza l-kwalitajiet teneri taʼ Ġeħova, tqanqalt biex niddedika ħajti lilu. Fl-1998, tgħammidt bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

Mal-ħu li l-familja tiegħu laqgħetni

Xi sena wara li tgħammidt, attendejt kors għall-għomja qrib il-belt taʼ Escuintla. Anzjan fil-kongregazzjoni lokali sar jaf bl-isfidi li kont qed niffaċċja biex nattendi l-laqgħat waqt li kont qed ngħix f’raħal twelidi. L-eqreb kongregazzjoni kienet in-naħa l-oħra taʼ dik l-istess muntanja li l-koppja Xhieda kellhom jgħaddu minn fuqha biex jistudjaw miegħi, u kien diffiċli għalija biex nagħmel il-vjaġġ. Biex jgħinni, l-anzjan sab familja Xhieda f’Escuintla li kienu lesti jilqgħuni f’darhom u jgħinuni nattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni. Sal-lum jieħdu ħsiebi bħallikieku kont membru tal-familja tagħhom stess.

Nistaʼ nsemmi ħafna iżjed eżempji tal-imħabba ġenwina li l-membri tal-kongregazzjoni wrewni. Flimkien, dawn l-esperjenzi jikkonvinċuni li bħala Xhud taʼ Ġeħova, jien qiegħed fost Kristjani veri.—Ġwanni 13:34, 35.

KIF IBBENEFIKAJT:

M’għadnix inħossni bla siwi u bla tama. Issa ħajti għandha skop. Bħala predikatur full-time fix-xogħol edukattiv Bibliku tax-Xhieda taʼ Ġeħova, niffoka fuq li ngħallem lil ħaddieħor veritajiet Bibliċi prezzjużi minflok ma noqgħod niffoka fuq id-diżabilità tiegħi. Ukoll, għandi l-privileġġ li naqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni u nagħti taħditiet ibbażati fuq il-Bibbja lill-pubbliku fil-kongregazzjonijiet lokali. Kelli saħansitra l-privileġġ li nagħti taħditiet ibbażati fuq il-Bibbja f’konvenzjonijiet fejn ikun hemm eluf taʼ nies preżenti.

Nagħti taħdita bil-Bibbja bil-Braille li għandi

Fl-2010, iggradwajt mill-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali (issa msejħa l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna) li nżammet f’El Salvador. Din l-iskola ppreparatni biex inwettaq aħjar ir-responsabbiltajiet tiegħi fil-kongregazzjoni. Li rċivejt dan it-taħriġ għenni nħossni apprezzat u maħbub profondament minn Alla Ġeħova, li jistaʼ jikkwalifika lil kwalunkwe bniedem għax-xogħol Tiegħu.

Ġesù qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Illum, nistaʼ verament ngħid li jien ferħan, u għalkemm qabel qatt ma immaġinajt li jistaʼ jkun possibbli, issa nħoss li nistaʼ ngħin lil oħrajn.

^ par. 13 Għal iżjed informazzjoni dwar għala Alla jippermetti l-ħażen, ara kapitlu 11 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.