Ir-Reliġjon Hi Negozju Kbir?
Innotajt li ħafna reliġjonijiet jiffokaw iktar fuq kemm ħa jagħmlu flus milli kif ħa jgħinu n-nies iqimu lil Alla? Huma jirreklamaw u jbigħu servizzi oħra. Ħafna mexxejja reliġjużi għandhom pagi għoljin u jgħixu ħajja lussuża. Innota xi eżempji:
Investigazzjoni wriet li isqof Kattoliku, f’perijodu taʼ 13-il sena, uża l-flus tal-knisja biex iħallas madwar 150 vjaġġ b’ajruplan privat u madwar 200 vjaġġ b’limousine. Nefaq ukoll iżjed minn erbaʼ miljun dollaru biex jirranġa d-dar tal-knisja fejn jgħix hu.
Qassis f’pajjiż Afrikan spiss kien jorganizza servizzi reliġjużi li għalihom kienu jattendu eluf kbar taʼ nies. Il-knisja tiegħu tbigħ kull tip t’affarijiet—minn żejt li jgħid li jagħmel il-mirakli sa xugamani u T-shirts bir-ritratt tiegħu fuqhom. Ħafna nies li kienu jattendu kienu foqra, waqt li hu kien sinjur kbir.
Fiċ-Ċina, minn erbaʼ muntanji li huma sagri għall-Buddisti, tnejn minnhom huma reġistrati bħala kumpaniji. U t-tempju famuż Shaolin hu involut f’ħafna proġetti kummerċjali. Il-mexxej reliġjuż taʼ dan it-tempju hu magħruf bħala s-“CEO monk.”
Negozji madwar l-Amerka qed jimpjegaw nies biex jivvintaw ritwali reliġjużi u biex jagħtu gwida reliġjuża lill-klijenti tagħhom.
Kif tħossok dwar ir-reliġjonijiet li moħħhom biex jaqilgħu l-flus? Qatt ħsibt x’jaħseb Alla dwar nies li jipprovaw jaqilgħu l-flus minn attivitajiet reliġjużi?
Alla x’jaħseb meta fir-reliġjon idaħħlu n-negozju?
Alla ma jiħux pjaċir meta fir-reliġjon jidħol in-negozju. Il-Bibbja turi li fil-passat Alla kien irrabjat ħafna mal-qassisin li kienu jgħidu li qed jirrappreżentawh waqt li riedu lin-nies iħallsuhom biex jgħallmuhom. (Mikea 3:11) Alla rrabja man-negozjanti egoisti li għamlu t-tempju tiegħu “għar tal-ħallelin.”—Ġeremija 7:11.
Bħal Alla, Ġesù wkoll kien irrabjat ma’ dawk li użaw ir-reliġjon biex jagħmlu l-flus. Fi żmienu, il-mexxejja reliġjużi kienu jaqilgħu l-flus min-negozjanti, li kienu jħalluhom ibigħu fit-tempju taʼ Ġerusalemm. Huma kienu jieħdu vantaġġ min-nies li kienu jiġu jqimu lil Alla fit-tempju. B’kuraġġ, Ġesù keċċa lin-negozjanti mit-tempju, u qalilhom: “Tibqgħux tagħmlu dar Missieri dar tal-merkanzija!”—Ġwanni 2:14-16.
Meta Ġesù kien fuq l-art, hu wera kif jaħsibha Alla. (Ġwanni 8:28, 29) Hu qatt ma ġiegħel lin-nies iħallsu biex jgħallimhom dwar Alla. Lanqas ma talab il-flus għall-mirakli, bħal meta temaʼ n-nies, fejjaq lill-morda, u qajjem lill-mejtin. Ġesù qatt ma pprova jsir sinjur billi għallem lin-nies, fil-fatt lanqas biss kellu dar.—Luqa 9:58.
Kif nafu li l-Kristjani tal-bidu ma ħalltux in-negozju mar-reliġjon?
Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex qatt ma jipprovaw jaqilgħu l-flus minn attivitajiet reliġjużi. Hu qal: “Irċivejtu b’xejn, għalhekk agħtu b’xejn.” (Mattew 10:8) Id-dixxipli tiegħu, li mbagħad saru magħrufin bħala Kristjani, obdew minn dak li qalilhom Ġesù. Ara ftit eżempji:
Raġel li kien jismu Xmun ried iħallas lill-appostlu Pietru, li kien ikun ma’ Ġesù, biex itih pożizzjoni għolja. Pietru mill-ewwel irrifjuta l-offerta taʼ Xmun, u b’mod sod qallu: “Ħa tinqered miegħek il-fidda tiegħek, għax int ħsibt li bil-flus tistaʼ tikseb l-għotja b’xejn mingħand Alla.”—Atti 8:18-20.
L-appostlu Pawlu kien jivvjaġġa ħafna biex jgħallem lin-nies dwar Alla. Għalkemm hu ħadem iebes għal ħafna u ħafna snin f’kongregazzjonijiet Kristjani differenti, hu qatt ma pprova jaqlaʼ l-flus minn dan. Hu u l-Kristjani sħabu ‘ma għamlux negozju mill-kelma t’Alla bħalma għamlu ħafna.’ (2 Korintin 2:17) Minflok, Pawlu kiteb: “Ħdimna lejl u nhar, biex ma nkunux taʼ piż finanzjarju għal xi ħadd minnkom, waqt li ppridkajnielkom l-aħbar tajba t’Alla.”—1 Tessalonikin 2:9.
Ovvjament, l-ewwel Kristjani kellhom bżonn il-flus biex jivvjaġġaw ħalli jippritkaw u jgħinu lin-nies. Imma huma qatt ma żammew flus għall-affarijiet li għamlu biex jgħinu lil oħrajn jaqdu lil Alla. In-nies setgħu jagħżlu li jagħtu skont dawn il-prinċipji li ġejjin:
2 Korintin 8:12: “Għax jekk l-ewwel ikun hemm ir-rieda, din tkun speċjalment aċċettabbli skond dak li jkollu l-individwu, mhux skond dak li ma jkollux.”
X’jgħallimna dal-vers? Ir-raġuni għala persuna tagħti hi iktar importanti milli kemm tagħti.
2 Korintin 9:7: “Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”
X’jgħallimna dal-vers? Alla ma jrid lil ħadd jagħti taʼ bilfors. Minflok, hu jieħu pjaċir meta persuna tagħti għax trid hi.
X’se jiġri dalwaqt mir-reliġjonijiet egoisti?
Il-Bibbja tagħmilha ċara li Alla ma jaċċettax ir-reliġjonijiet kollha jew kull tip taʼ qima. (Mattew 7:21-23) Fi profezija impressjonanti, il-Bibbja tqabbel l-organizzazzjonijiet tar-reliġjonijiet foloz kollha ma’ prostituta. Għala? Għax dawn ir-reliġjonijiet jaħdmu mal-gvernijiet għall-flus u l-pjaċiri u wkoll għax jieħdu vantaġġ min-nies. (Rivelazzjoni 17:1-3; 18:3) L-istess profezija mbagħad tgħid li Alla dalwaqt se jeqred lir-reliġjonijiet foloz kollha.—Rivelazzjoni 17:15-17; 18:7.
Imma sadattant Alla ma jridx li minħabba l-azzjonijiet ħżiena tar-reliġjonijiet foloz in-nies jiġu mqarrqin u ma jsirux jafu bih. (Mattew 24:11, 12) Hu jixtieq li n-nies sinċieri jitgħallmu jaqduh kif jixtieq hu u joħorġu mir-reliġjon falza.—2 Korintin 6:16, 17.