IBQAʼ ATTENT!
Ir-Reliġjon u l-Gwerra fl-Ukrajna—X’Tgħid il-Bibbja?
Ara x’qalu mexxejja reliġjużi importanti dwar il-gwerra fl-Ukrajna:
“Il-kap tal-Knisja Ortodossa fir-Russja, il-Patrijarka Kirill, ma qal xejn kontra dak li qed tagħmel ir-Russja fl-Ukrajna. . . . Il-Knisja tiegħu għadha ma waqfitx tgħid stejjer foloz dwar l-Ukrajna, u fil-fatt Putin qed jużahom biex jiġġustifika l-gwerra.”—EUobserver, 7 taʼ Marzu 2022.
“Il-Patrijarka Kirill . . . wera kemm jaqbel maʼ li qed tagħmel ir-Russja fl-Ukrajna billi qal li din il-gwerra hi parti mill-ġlieda kontra d-dnub.”—AP News, 8 taʼ Marzu 2022.
“It-Tnejn li għadda, il-kap tal-Knisja Ortodossa fl-Ukrajna, Metropolitan Epiphanius I taʼ Kyiv, bierek lin-nies tiegħu li qed ‘jiġġieldu kontra r-Russi’ . . . [Hu] qal ukoll li mhux dnub li joqtlu lis-suldati Russi.”—Jerusalem Post, 16 taʼ Marzu 2022.
“Aħna [il-Kunsill tal-Knejjes u Organizzazzjonijiet Reliġjużi fl-Ukrajna (UCCRO)] nappoġġaw l-armata tal-Ukrajna u n-nies kollha li qed jiġġieldu għal pajjiżna. Aħna nagħtuhom il-barka tagħna u nitolbu għalihom hekk kif jiddefendu l-Ukrajna.”—Stqarrija mill-UCCRO, a 24 taʼ Frar 2022.
Int x’taħseb? Għandhom ir-reliġjonijiet li jgħidu li jobdu lil Ġesù Kristu jħeġġu lin-nies tagħhom imorru għal gwerra? Il-Bibbja x’tgħid?
Ir-reliġjonijiet u l-gwerer matul is-snin
Matul is-snin, l-istorja wriet li r-reliġjonijiet spiss qalu li m’hemm xejn ħażin li tmur għal gwerra, li hu tajjeb, u anzi ġieli jkun hemm bżonn li tmur għal gwerra. Imma fl-istess ħin dawn ir-reliġjonijiet jgħidu li qed jaħdmu għall-paċi. Għal ħafna snin, ix-Xhieda taʼ Ġeħova għenu lin-nies jaraw l-ipokresija tar-reliġjonijiet. Ara xi eżempji mill-pubblikazzjonijiet tagħna.
L-artiklu “The Crusades—A ‘Tragic Illusion’” juri kif il-Knisja Kattolika kienet responsabbli għall-qtil t’eluf taʼ nies b’mod krudili f’isem Alla u Kristu.
L-artiklu “The Catholic Church in Africa” jsemmi eżempji taʼ kif ir-reliġjonijiet ma waqqfux il-ġenoċidji u l-gwerer bejn tribujiet, jew gruppi taʼ nies differenti.
L-artikli “Is Religion to Blame?,” “Religion’s Role in Man’s Wars,” u “Religion Takes Sides” jispjegaw kif mexxejja Kattoliċi, Ortodossi, u Protestanti ssapportjaw iż-żewġ naħat f’ħafna gwerer.
Għandhom ir-reliġjonijiet Kristjani jissapportjaw il-gwerer?
Ġesù għallem: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39) “Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom.”—Mattew 5:44-47.
Aħseb: Jagħmel sens li reliġjon tgħid li tobdi l-kmand taʼ Ġesù dwar l-imħabba u fl-istess ħin tinkuraġġixxi l-membri tagħha biex joqtlu lil oħrajn fil-gwerra? Biex issib it-tweġiba, aqra l-artikli “True Christians and War” u “Is It Possible to Love One’s Enemies?”
Ġesù qal: “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja. Kieku s-saltna tiegħi kienet parti minn din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu.” (Ġwanni 18:36) “Kulmin jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.”—Mattew 26:47-52.
Aħseb: Jekk il-Kristjani ma kellhomx jiġġieldu biex jipproteġu lil Ġesù, jagħmel sens li jiġġieldu għal raġunijiet oħra? Aqra l-artiklu “Is War Compatible With Christianity?” biex tara kif il-Kristjani tal-bidu imitaw lil Ġesù u obdewh.
X’se jiġri lir-reliġjonijiet li jinkuraġġixxu l-gwerer?
Il-Bibbja tgħallem li Alla jobgħod reliġjonijiet li jgħidu li jimxu maʼ li qal Ġesù imma ma jobduhx.—Mattew 7:21-23; Titu 1:16.
Il-ktieb tar-Rivelazzjoni, jew Apokalissi, jurina li għal Alla dawn ir-reliġjonijiet huma responsabbli għall-qtil “taʼ dawk kollha li nqatlu fuq l-art.” (Rivelazzjoni 18:21, 24) Biex titgħallem għala aqra l-artiklu “X’inhi Babilonja l-Kbira?”
Ġesù qal li r-reliġjonijiet kollha li ma jogħġbux lil Alla minħabba l-affarijiet ħżiena li jagħmlu se jinqerdu. Dan l-istess bħalma “siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tintefaʼ fin-nar.” (Mattew 7:15-20) Aqra l-artiklu “The End of False Religion Is Near!” biex issir taf kif dan se jiġri.
Photo credits, left to right: Photo by Sefa Karacan/Anadolu Agency/Getty Images; Maxym Marusenko/NurPhoto via Getty Images
a Il-UCCRO, jew il-Kunsill tal-Knejjes u Organizzazzjonijiet Reliġjużi fl-Ukrajna, tinkludi 15-il knisja differenti fosthom l-Ortodossi, il-Kattoliċi, il-Protestanti, u l-Evanġelisti kif ukoll il-Lhud u l-Musulmani.