Temp Estrem—Tistaʼ l-Bibbja Tgħinek Tkampa?
Int wieħed minn dawk il-miljuni li ġejt effettwat minn temp estrem? Hemm ħafna affarijiet li temp estrem jistaʼ jikkaġuna. Dawn jistgħu jkunu uragani, ċikluni, trombi, u maltempati tropikali li spiss iwasslu għal għargħar, riħ li jagħmel ħafna ħsara, u biex jogħla l-livell tal-ilma. Xita qawwija twassal biex id-djar fuq il-muntanji jċedu u jaqgħu. U maltempati bis-sajjetti jistgħu jwasslu għal nirien kbar. Ukoll, nixfa kbira, heat waves, u maltempati tas-silġ qed jikkaġunaw ħsara kbira.
F’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, temp estrem qed isir iktar spiss u qed jikkaġuna ħsara kbira. L-International Federation of Red Cross and Red Crescent Societies jgħid: “Ħafna iktar nies qed jiġu effettwati mid-diżastri. Dan minħabba li qed ikun hemm iktar u iktar għargħar, maltempati u nixfa. Minħabba dan, kull sena ħafna nies qed imutu, oħrajn qed jitilfu x-xogħol tagħhom, u miljuni taʼ nies qed jitilfu d-djar tagħhom.”
Meta dawn l-affarijiet jiġru, in-nies mhux biss ibatu fiżikament imma anki mentalment. Minħabba li huma jitilfu dak kollu li jkollhom, id-djar tagħhom, u ġieli anki lil dawk li jħobbu, huma jbatu ħafna.
Jekk int wieħed minn dawk li qed tbati minħabba temp estrem, il-Bibbja tistaʼ tgħinek tkampa. Il-Bibbja tipprovdi inkuraġġiment, tama, u għajnuna prattika. (Rumani 15:4) Għenet lil ħafna nies li għaddew minn diżastru. Ukoll, twieġeb mistoqsija importanti li ħafna nies spiss jistaqsu: Alla għala ħalla dan jiġri, qed jikkastigani?
It-temp estrem li qed jagħmel mhuwiex kastig mingħand Alla
Il-Bibbja tgħallem li Alla mhux responsabbli għat-tbatija li n-nies qed jgħaddu minnha. Il-Bibbja twegħedna li “Alla la jistaʼ jiġi provat u lanqas ma jipprova lil ħadd b’affarijiet ħżiena.” (Ġakbu 1:13) Dan ifisser li hu mhux qed jikkaġuna t-temp estrem li ħafna qed jesperjenzaw illum.
Il-Bibbja ssemmi okkażjonijiet meta Alla uża l-forzi tan-natura biex jikkastiga lin-nies ħżiena. Imma dawn il-ġrajjiet kienu differenti mit-temp estrem li qed jagħmel illum, li jiġi għal għarrieda, u jolqot kemm lin-nies tajbin u kemm lil dawk ħżiena. Infatti l-Bibbja turina li Alla dejjem ipproteġa lin-nies tajbin, wissa minn qabel, u spjega għaliex kien se jagħmel dan. Pereżempju, Alla spjega għala kien se jġib Dulluvju fi żmien Noè, wissa qabel seħħ, u pproteġa lil Noè u l-familja tiegħu.—Ġenesi 6:13; 2 Pietru 2:5.
Biex titgħallem iktar kif nafu li d-diżastri naturali li qed iseħħu mhumiex kastig minn Alla, ara l-artikli “Huma d-Diżastri Naturali Kastig minn Alla?” u “What Does the Bible Say About Natural Disasters?” bl-Ingliż.
Alla jimpurtah minn dawk li qed ibatu minħabba temp estrem
Il-Bibbja turi li Alla Ġeħova a jimpurtah minna u jħoss għalina. Aqra l-versi li ġejjin.
Isaija 63:9: “Kulmeta kienu mnikktin [Alla] kien imnikket.”
Dal-vers xi jfisser? Ġeħova jweġġaʼ meta jara n-nies ibatu.
L-1 Pietru 5:7: “Hu jimpurtah minnkom.”
Dal-vers xi jfisser? Ġeħova jimpurtah minnek.
Peress li Ġeħova jimpurtah minna u jħoss għalina, hu jipprovdilna l-għajnuna. Hu jinkuraġġina permezz tal-Bibbja u jagħtina garanzija li fil-futur mhux se jkun hemm iktar diżastri.—2 Korintin 1:3, 4.
It-temp estrem se jispiċċa
Il-Bibbja tgħidilna l-wegħda taʼ Ġeħova li se jagħtina “futur u tama.” (Ġeremija 29:11) Hu jrid li n-nies igawdu l-ħajja f’art magħmula ġenna u mhux jgħixu bil-biżaʼ taʼ xi diżastru naturali.—Ġenesi 1:28; 2:15; Isaija 32:18.
Alla se jagħtina dan il-futur mill-isbaħ permezz tas-Saltna tiegħu, gvern fis-sema mmexxi minn Ġesù. (Mattew 6:10) Ġesù għandu kemm l-abbiltà kif ukoll il-qawwa biex iwaqqaf it-temp estrem. Meta Ġesù kien fuq l-art, hu wera li għandu l-qawwa li jikkontrolla t-temp. (Marku 4:37-41) Minħabba l-abbiltà li għandu, hu se jgħallem lin-nies kif jieħdu ħsieb l-ambjent. (Isaija 11:2) Meta Ġesù se jmexxi għal fuq l-art, in-nies qatt mhu se jerġgħu jbatu minħabba temp estrem.
Forsi tistaqsi, ‘Ġesù meta se juża l-qawwa tiegħu biex jikkontrolla t-temp?’ Biex issib it-tweġiba, ara l-artiklu “Is-Saltna t’Alla Meta se Tmexxi għal fuq l-Art?”
X’tistaʼ tagħmel biex tkun preparat?
Il-Bibbja tagħtina pariri li jistgħu jgħinuna qabel, matul, u wara li niffaċċjaw temp estrem.
Qabel: Kun preparat għal li jistaʼ jinqalaʼ.
Dak li tgħid il-Bibbja: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-piena.”—Proverbji 22:3.
Dal-vers xi jfisser? Aħseb f’diżastri li jistgħu jiġru fejn toqgħod int ħalli taġixxi malajr u tipproteġi l-familja tiegħek.
Esperjenza: “Fil-ġurnata li kellna nitilqu minħabba n-nirien, aħna konna preparati. Aħna kellna basktijiet tal-emerġenza, go bags. Kellna wkoll il-mediċina u l-ħwejjeġ. In-nies bdew jippanikjaw u ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu imma aħna kellna dak kollu li kellna bżonn. Vera kuntenti li konna preparati!”—Tamara, Kalifornja, l-Istati Uniti.
Matul: Iffoka fuq dak li hu l-iktar importanti.
Dak li tgħid il-Bibbja: “Anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.”—Luqa 12:15.
Dal-vers xi jfisser? Il-ħajja tagħna hi l-iktar ħaġa importanti li għandna.
Esperjenza: “Meta ċ-Ċiklun Lawin b qered id-dar tagħna, ma kontx naf x’għandi nagħmel. Imma xi ħaġa li għamilt hi li tlabt mill-qalb lil Alla Ġeħova. Irrealizzajt li vera konna tlifna l-affarijiet materjali imma konna għadna ħajjin.”—Leslie, il-Filippini.
Wara: Ħudha ġurnata b’ġurnata.
Dak li tgħid il-Bibbja: “Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada, għax l-għada se jkollu l-ansjetajiet tiegħu.”—Mattew 6:34.
Dal-vers xi jfisser? Toqgħodx tinkwieta żżejjed dwar affarijiet li jistgħu jiġru fil-futur.
Esperjenza: “Wara li l-Uragan Irma għarraq id-dar tiegħi, kelli nieħu ħafna deċiżjonijiet u bdejt inħossni stressjata ħafna. Ipprovajt napplika l-parir tal-Bibbja biex nieħu ġurnata b’ġurnata. Irrealizzajt li bl-għajnuna ta’ Ġeħova rnexxieli nkampa aħjar milli ħsibt.”—Sally, Florida, l-Istati Uniti.
Għal iktar għajnuna, ara l-artiklu “Meta jseħħ diżastru—Passi li jistgħu jsalvaw il-ħajjiet.”
a Ġeħova hu l-isem t’Alla.—Salm 83:18.
b Magħruf ukoll bħala ċ-Ċiklun Haima.