Prinċipji tal-Bibbja li Jistgħu Jgħinuk Meta Titlef ix-Xogħol
Li titlef ix-xogħol jistaʼ jkun diffiċli mhux biss finanzjarjament imma wkoll emozzjonalment u mentalment. Is-suġġerimenti li ġejjin, li huma bbażati fuq prinċipji għaqlin mill-Bibbja, jistgħu jgħinuk tkampa.
Tkellem m’oħrajn dwar kif qed tħossok.
X’tgħid il-Bibbja: “Ħabib veru jħobb il-ħin kollu.”—Proverbji 17:17.
Wara li titlef ix-xogħol tistaʼ tħossok imdejjaq, irrabjat, jew mifxul. Forsi tħossok ukoll li ma tiswa għal xejn. Meta titkellem dwar dak li qed tħoss mal-familja jew il-ħbieb tiegħek, huma jistgħu jgħinuk tħossok aħjar. Ukoll, huma forsi jagħtuk pariri prattiċi li jistgħu jgħinuk issib xogħol ieħor.
Evita li tinkwieta żżejjed
X’tgħid il-Bibbja: “Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada, għax l-għada se jkollu l-ansjetajiet tiegħu.”—Mattew 6:34.
Il-Bibbja tinkuraġġina nippjanaw bil-quddiem. (Proverbji 21:5) Però, tavżana wkoll biex nevitaw li ninkwetaw iżżejjed dwar il-futur. Spiss, ninkwetaw dwar affarijiet li qatt ma jseħħu. Ikun aħjar li nieħdu ġurnata b’ġurnata.
Il-Bibbja toffri iktar pariri għaqlin fuq kif tkampa mal-istress li qiegħed tħoss. Aqra l-artiklu “X’Tistaʼ Tagħmel Meta Tkun Stressjat” biex titgħallem iktar.
Agħmel it-tibdil meħtieġ fil-budget tiegħek.
X’tgħid il-Bibbja: “Tgħallimt . . . kif ikolli bl-abbundanza u kif inkun fil-bżonn.”—Filippin 4:12.
Aġġusta skont is-sitwazzjoni li qiegħed fiha. Dan se jinkludi li tibdel il-mod taʼ kif tonfoq il-flus ħalli ma tonfoqx iktar minn dak li għandek. Oqgħod attent biex ma tidħolx f’dejn bla bżonn.—Proverbji 22:7.
Għal iktar suġġerimenti fuq kif taġġusta għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek, ara l-artiklu “How to Live on Less.”
Uża l-ħin bil-għaqal.
X’tgħid il-Bibbja: “Ibqgħu mexjin bl-għerf . . . , u użaw il-ħin bl-aħjar mod.”—Kolossin 4:5.
Għalkemm issa m’għandekx skeda biex tmur għax-xogħol, żomm rutina tajba għal kif tuża l-ħin tiegħek. Li tagħmel dan se jgħinek iżżomm stabbiltà fil-ħajja, u b’hekk se tħossok aħjar dwarek innifsek.
Kun lest li tagħmel bidliet.
X’tgħid il-Bibbja: “F’kull tip taʼ taħbit hemm vantaġġ.”—Proverbji 14:23.
Kun lest li tagħmel xogħol li hu differenti minn dak li kont tagħmel qabel. Għandek mnejn tikkunsidra xogħlijiet li ma jidhrux importanti u li jħallsu inqas minn dak li kont taqlaʼ qabel.
Kun persistenti.
X’tgħid il-Bibbja: “Iżraʼ ż-żerriegħa tiegħek fil-għodu u tħallix idek tistrieħ sa fil-għaxija; għax ma tafx fejn se tirnexxi.”—Ekkleżjasti 11:6.
Ibqaʼ fittex ix-xogħol. Għid lil oħrajn li qed tfittex xogħol. Tkellem maʼ min jiġi minnek, maʼ nies li taf, maʼ nies li kont taħdem magħhom, u l-ġirien. Iċċekkja aġenziji li jsibu ħaddiema għal min iħaddem, riklami għax-xogħol, u xogħlijiet fuq websites taʼ kumpaniji. Kun lest għal ħafna interviews u li tibgħat ħafna CVs qabel ma ssib xogħol.