GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA
Kif tistaʼ tikkontrolla r-rabja?
Ir-raġel jew il-mara tiegħek tgħid jew tagħmel xi ħaġa li tirrabjak, u int tipprova żżomm kollox ġewwa. Imma mbagħad hu jew hi tinduna li għandek xi ħaġa u tipprova tara x’inhi. Dan jirritak saħansitra iktar. Kif tistaʼ tikkontrolla r-rabja f’sitwazzjonijiet bħal dawn?
Dak li għandek tkun taf
Ma jagħmillekx ġid li tirrabja. Ir-riċerka turi li rabja mhux ikkontrollata żżid ir-riskju taʼ pressjoni għolja, mard tal-qalb, dipressjoni, u problemi diġestivi. Sabu wkoll li r-rabja għandha x’taqsam maʼ nuqqas taʼ rqad, iktar ansjetà, problemi fil-ġilda, u puplesija. Il-Bibbja għandha raġunijiet tajbin għala tgħidilna biex ‘nitilqu r-rabja,’ għax din tistaʼ biss twassal għall-ħsara.—Salm 37:8.
Li żżomm ir-rabja kollha fik ukoll mhux taʼ ġid. Il-fatt li nibqgħu nħossuna rrabjati jistaʼ jiġi mqabbel maʼ marda li tagħmlilna ħsara minn ġewwa. Pereżempju, jistaʼ jibda jkollok l-attitudni li dejjem tikkritika l-ħaddieħor jew tistaʼ ma tibda tafda lil ħadd. Attitudni bħal din se tagħmilha diffiċli biex oħrajn jissaportuk u din tistaʼ toħloq problemi serji fiż-żwieġ tiegħek.
Dak li tistaʼ tagħmel
Fittex il-kwalitajiet tajbin fir-raġel jew fil-mara tiegħek. Ikteb tliet affarijiet li tammira fih jew fiha. Meta tirrabja minħabba xi ħaġa li hu jew hi għamlet, ftakar f’dawn il-kwalitajiet. Dan jistaʼ jgħinek tikkontrolla r-rabja.
Prinċipju tal-Bibbja: “Uru li intom grati.”—Kolossin 3:15.
Idra aħfer. L-ewwel, prova ara s-sitwazzjoni mill-ħarsa tar-raġel jew tal-mara tiegħek. Dan se jgħinkom turu empatija—jew bħalma tgħid il-Bibbja, “tħossu għal xulxin.” (1 Pietru 3:8) Imbagħad, saqsi lilek innifsek, ‘Ir-raġuni għala nħossni rrabjat hi daqshekk serja tant li ma nistax naħfer?’
Prinċipju tal-Bibbja: ‘Hija ħaġa sabiħa li tħalli nuqqas għaddej.’—Proverbji 19:11.
Tkellem dwar dak li qed tħoss bit-tattika u b’qalb tajba. Uża l-kelma “jiena.” Pereżempju, minflok tgħid, “Int ma tindenjax ruħek iċċempilli biex tgħidli fejn qiegħed,” għid, “Jien ninkwieta meta jkun sar il-ħin u ma nkunx naf fejn qiegħed.” Li tispjega dak li tħoss bi ħlewwa jistaʼ jgħinek tikkontrolla r-rabja.
Prinċipju tal-Bibbja: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa.”—Kolossin 4:6.
Ismaʼ b’rispett. Wara li tesprimi ruħek, agħti ċans lir-raġel jew il-mara tiegħek biex tgħid li għandha tgħid mingħajr ma twaqqafha. Meta hu jew hi tispiċċa milli titkellem, erġaʼ għid dak li ntqal fi kliem ieħor biex tara fhimtx sew. Li sempliċiment tismaʼ jistaʼ jkun t’għajnuna kbira għalik biex tikkontrolla r-rabja.
Prinċipju tal-Bibbja: ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’—Ġakbu 1:19.