Il-ktieb tar-Rivelazzjoni—Xi jfisser?
It-tweġiba tal-Bibbja
L-isem Grieg tal-ktieb Bibliku tar-Rivelazzjoni, Apokalipsis (apokalissi), ifisser “Kxif” jew “Ħaġa Mgħarrfa.” Dan l-isem jagħti x’jifhem x’inhi t-tifsira tar-Rivelazzjoni—dan il-ktieb jikxef affarijiet li kienu moħbijin u jagħmel magħruf ġrajjiet li kienu se jiġru ħafna żmien wara li nkiteb. Ħafna mill-profeziji tiegħu għad iridu jitwettqu.
Ħarsa fuq fuq tal-ktieb tar-Rivelazzjoni
Introduzzjoni.—Rivelazzjoni 1:1-9.
Messaġġi mingħand Ġesù lis-sebaʼ kongregazzjonijiet.—Rivelazzjoni 1:10–3:22.
Viżjoni t’Alla fuq it-tron tiegħu fis-sema.—Rivelazzjoni 4:1-11.
Serje taʼ viżjonijiet, kull waħda twassal għal taʼ warajha:
Sebaʼ siġilli.—Rivelazzjoni 5:1–8:6.
Sebaʼ trumbetti, l-aħħar tlieta jintroduċu tliet gwajijiet.—Rivelazzjoni 8:7–14:20.
Sebaʼ bwieqi, kull bieqja fiha kastig li jirrappreżenta ġudizzju mingħand Alla li se jiġi mferraʼ fuq l-art.—Rivelazzjoni 15:1–16:21.
Viżjonijiet tal-qerda tal-għedewwa t’Alla.—Rivelazzjoni 17:1–20:10.
Viżjonijiet taʼ barkiet t’Alla għas-sema u l-art.—Rivelazzjoni 20:11–22:5.
Konklużjoni.—Rivelazzjoni 22:6-21.
Affarijiet li jgħinuna nifhmu l-ktieb tar-Rivelazzjoni
Il-messaġġ tiegħu hu pożittiv u mhux tal-biżaʼ jew tat-twerwir għal dawk li jaqdu lil Alla. Filwaqt li ħafna jassoċjaw il-kelma “apokalissi” maʼ xi diżastru kbir, il-ktieb tar-Rivelazzjoni jibda u jispiċċa billi jgħid li dawk li jaqraw, jifhmu, u japplikaw il-messaġġ tiegħu se jkun henjin talli jagħmlu dan.—Rivelazzjoni 1:3; 22:7.
Il-ktieb tar-Rivelazzjoni juża ħafna “sinjali,” jew simboli, li m’għandhomx jittieħdu letterali.—Rivelazzjoni 1:1.
Ħafna karattri u simboli ewlenin fil-ktieb tar-Rivelazzjoni jissemmew qabel fil-Bibbja:
Ġeħova—“l-Alla l-veru fis-smewwiet” u l-Ħallieq taʼ kollox.—Dewteronomju 4:39; Salm 103:19; Rivelazzjoni 4:11; 15:3.
Ġesù Kristu—“il-Ħaruf t’Alla.”—Ġwanni 1:29; Rivelazzjoni 5:6; 14:1.
Satana x-Xitan—l-għadu t’Alla.—Ġenesi 3:14, 15; Ġwanni 8:44; Rivelazzjoni 12:9.
Babilonja l-Kbira—bħal Babilonja tal-qedem (Babel), għadu t’Alla Ġeħova u tan-nies tiegħu u sors tal-gideb reliġjuż.—Ġenesi 11:2-9; Isaija 13:1, 11; Rivelazzjoni 17:4-6; 18:4, 20.
“Il-baħar”—il-bnedmin mill-agħar li jopponu lil Alla.—Isaija 57:20; Rivelazzjoni 13:1; 21:1.
Affarijiet li jitqabblu mat-tabernaklu tal-qedem li ntuża fil-qima t’Alla—inkluż l-arka tal-patt, il-baħar tal-ħġieġ (vaska biex jinħaslu), il-gandlieri, l-offerti tal-inċens, u artal għal sagrifiċċju.—Eżodu 25:10, 17, 18; 40:24-32; Rivelazzjoni 4:5, 6; 5:8; 8:3; 11:19.
Bhejjem salvaġġi—jagħtu stampa taʼ gvernijiet umani.—Danjel 7:1-8, 17-26; Rivelazzjoni 13:2, 11; 17:3.
Numri li jintużaw b’mod simboliku.—Rivelazzjoni 1:20; 8:13; 13:18; 21:16.
Il-viżjonijiet japplikaw għal “jum il-Mulej,” li beda meta twaqqfet is-Saltna t’Alla fl-1914 u meta Ġesù beda jaħkem bħala Sultan. (Rivelazzjoni 1:10) Għalhekk, nistgħu nistennew li t-twettiq ewlieni tar-Rivelazzjoni se jkun fi żmienna.
Sabiex nifhmu l-ktieb tar-Rivelazzjoni, għandna bżonn l-istess affarijiet li jgħinuna nifhmu l-kumplament tal-Bibbja, inkluż l-għerf mingħand Alla u l-għajnuna taʼ dawk li diġà jifhmu s-suġġett.—Atti 8:26-39; Ġakbu 1:5.