Ir-Rakkonti Dwar Ġesù Meta Nkitbu?
It-tweġiba tal-Bibbja
Rigward ir-rekord tal-ġrajjiet dwar il-ħajja taʼ Ġesù, l-appostlu Ġwanni kiteb: “Dan qed jixhdu wieħed li rah, u x-xiehda tiegħu hi vera, u dan ir-raġel jaf li qed jgħid il-verità, sabiex intom ukoll temmnu.”—Ġwanni 19:35.
Raġuni waħda għala għandna noqogħdu fuq ir-rakkonti tal-Evanġelji miktubin minn Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni hi li ġew miktubin waqt li ħafna wħud li raw b’għajnejhom stess il-ġrajjiet li jiddeskrivu kienu għadhom ħajjin. Skont xi sorsi, l-Evanġelju taʼ Mattew inkiteb kmieni fit-tmien sena wara l-mewt taʼ Kristu, jiġifieri, madwar is-sena 41 W.K. Ħafna studjużi jaqblu dwar data oħra iktar tard, iżda hemm qbil ġenerali li l-kotba kollha tal-Iskrittura Griega Kristjana nkitbu matul l-ewwel seklu W.K.
In-nies li raw lil Ġesù waqt li kien għadu ħaj fuq l-art, raw b’għajnejhom il-mewt tiegħu, u osservaw l-irxoxt tiegħu setgħu jivverifikaw ir-rakkonti tal-Evanġelju. Huma setgħu wkoll faċilment jesponu xi ineżattezzi, jekk kien hemm. Il-Professur F. Bruce jgħid: “Wieħed mill-punti qawwijin fl-ippritkar oriġinali tal-appostli huwa li b’fiduċja setgħu jistrieħu fuq l-għarfien tas-semmiegħa; dawn mhux biss qalu, ‘Aħna xhieda taʼ dawn l-affarijiet,’ iżda wkoll, ‘Bħalma tafu anki intom stess’ (Atti 2:22).”