X’inhi l-miġja taʼ Kristu?
It-tweġiba tal-Bibbja
L-Iskrittura kemm-il darba tirreferi għal żmien fil-futur meta Kristu se jiġi biex jiġġudika lin-nies tad-dinja. a Pereżempju, Mattew 25:31-33 jgħid:
“Meta Bin il-bniedem [Ġesù Kristu] jasal fil-glorja tiegħu, u l-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu. U l-ġnus kollha jinġabru quddiemu, u hu jifred lin-nies, wieħed mill-ieħor, bħalma ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż. U jpoġġi lin-nagħaġ fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.”
Dan iż-żmien taʼ ġudizzju se jkun parti minn “tribulazzjoni kbira” li qatt ma kien hawn bħalha fl-istorja tal-bniedem. Din it-tribulazzjoni se tilħaq il-quċċata tagħha f’Armageddon. (Mattew 24:21; Rivelazzjoni 16:16) L-għedewwa taʼ Kristu, li fit-tixbiha tiegħu huma deskritti bħala mogħoż, se “jieħdu l-kastig ġudizzjarju taʼ qerda għal dejjem.” (2 Tessalonikin 1:9; Rivelazzjoni 19:11, 15) B’kuntrast, il-qaddejja leali, in-nagħaġ, se jkollhom it-tama taʼ “ħajja taʼ dejjem.”—Mattew 25:46.
Kristu meta se jiġi?
Ġesù qal: “Imma dak il-jum u s-siegħa ma jafhom ħadd.” (Mattew 24:36, 42; 25:13) Però, hu ddeskriva “sinjal” viżibbli li jinvolvi diversi ġrajjiet u li kien se jidentifika ż-żmien li jwassal għall-miġja tiegħu.—Mattew 24:3, 7-14; Luqa 21:10, 11.
Kristu ġej bħala spirtu jew b’ġisem uman?
Ġesù ġie rxoxtat bħala spirtu, allura ġej bħala spirtu u mhux b’ġisem uman. (1 Korintin 15:45; 1 Pietru 3:18) Minħabba f’hekk, fil-jum qabel ma miet, Ġesù setaʼ jgħid lill-appostli: “Ftit ieħor u d-dinja ma taranix iktar.”—Ġwanni 14:19.
Ideat żbaljati li huma komuni dwar il-miġja taʼ Kristu
Idea żbaljata: Meta l-Bibbja tgħid li n-nies se jaraw lil Ġesù “ġej fuq is-sħab,” ifisser li Ġesù ġej b’mod viżibbli.—Mattew 24:30.
Fatt: Il-Bibbja spiss tassoċja s-sħab maʼ xi ħaġa li ma tkunx tistaʼ taraha. (Levitiku 16:2; Numri 11:25; Dewteronomju 33:26) Pereżempju, Alla qal lil Mosè: “Niġi għandek fi sħaba sewda.” (Eżodu 19:9) Mosè ma rax lil Alla b’mod letterali. Bl-istess mod, Kristu “ġej fuq is-sħab” fis-sens li n-nies se jindunaw li jkun ġej minkejja li ma jkunux jistgħu jarawh b’mod letterali.
Idea żbaljata: L-espressjoni li tidher f’Rivelazzjoni 1:7 meta titkellem dwar il-miġja taʼ Kristu “kull għajn tarah,” għandha tinftiehem b’mod letterali.
Fatt: Il-kliem Grieg fil-Bibbja għal “għajn” u “tara” kultant jintuża fis-sens li tagħraf jew tifhem minflok ma jirreferi għall-vista letterali. b (Mattew 13:15; Luqa 19:42; Rumani 15:21; Efesin 1:18) Il-Bibbja tgħid li Ġesù rxoxtat hu l-“wieħed . . . li jgħammar f’dawl li ma tistax tersaq lejh, li ebda bniedem ma . . . jistaʼ jara.” (1 Timotju 6:16) B’hekk, “kull għajn tarah” fis-sens li n-nies kollha se jindunaw li Ġesù hu l-wieħed li se jġib il-ġudizzju t’Alla.—Mattew 24:30.
Idea żbaljata: Il-kliem fit-2 Ġwanni 7 juri li Ġesù ġej bħala bniedem.
Fatt: Dak il-vers tal-Bibbja jgħid: “Fid-dinja dehru ħafna qarriqin, nies li ma jistqarrux li Ġesù Kristu ġie bħala bniedem.”
Fiż-żmien l-appostlu Ġwanni, xi wħud ċaħdu li Ġesù ġie fuq l-art bħala bniedem. Huma kienu jissejħu l-Injostiċi. It-2 Ġwanni 7 nkiteb biex juri li dak li kienu qed isostnu kien falz.