X’inhi t-Tora?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-kelma “Tora” ġejja mill-kelma Ebrajka toh·rahʹ, li tistaʼ tiġi tradotta “istruzzjoni,” “tagħlim,” jew “liġi.” a (Proverbji 1:8; 3:1; 28:4) L-eżempji li ġejjin se juru kif din il-kelma Ebrajka tintuża fil-Bibbja.
Toh·rahʹ spiss tirreferi għall-ewwel ħames kotba tal-Bibbja—Ġenesi, Eżodu, Levitiku, Numri, u Dewteronomju. Dawn jissejħu wkoll il-Pentatewku, kelma li ġejja mill-Grieg li tfisser “ħames kotba f’volum wieħed.” It-Tora ġiet miktuba minn Mosè, allura hi msejħa “l-ktieb tal-liġi taʼ Mosè.” (Ġożwè 8:31; Neħemija 8:1) Oriġinalment ġiet miktuba fi ktieb wieħed imma maż-żmien inqasmet ħalli tkun iktar faċli biex tintuża.
Toh·rahʹ hija kelma użata wkoll għal-liġijiet li ngħataw lill-Iżrael dwar suġġett partikulari, bħalma hi “l-liġi [toh·rahʹ] taʼ l-offerta għad-dnub,” “il-liġi dwar il-ġdiem,” u “l-liġi dwar in-Nażirit.”—Levitiku 6:25; 14:57; Numri 6:13.
Toh·rahʹ xi drabi tirreferi għall-istruzzjonijiet jew għat-tagħlim, kemm jekk ikun ġej mill-ġenituri, minn uħud li għandhom għarfien u esperjenza, u kemm jekk ikun ġej minn Alla nnifsu.—Proverbji 1:8; 3:1; 13:14; Isaija 2:3.
X’hemm fit-Tora, jew fil-Pentatewku?
Fiha nsibu r-rakkont taʼ kif Alla mexa mal-bnedmin mill-bidu tal-ħolqien sal-mewt taʼ Mosè.—Ġenesi 1:27, 28; Dewteronomju 34:5.
Ir-regolamenti tal-Liġi li Alla ta lil Mosè. (Eżodu 24:3) Din il-Liġi fiha iktar minn 600 regola. Waħda li tispikka fosthom hija x-Xemaʼ, jew l-istqarrija tal-fidi tal-Lhud. Parti mix-Xemaʼ tgħid: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u bil-forza kollha tiegħek.” (Dewteronomju 6:4-9) Ġesù qal li “dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament.”—Mattew 22:36-38.
L-isem qaddis, Ġeħova, jidher madwar 1,800 darba. Minflok ma hi kontra li wieħed juża l-isem t’Alla, it-Tora fiha kmandamenti li kienu jirrikjedu li n-nies t’Alla jużaw ismu.—Numri 6:22-27; Dewteronomju 6:13; 10:8; 21:5.
Ideat żbaljati dwar it-Tora
Idea żbaljata: Il-kmandamenti tat-Tora huma għal dejjem, qatt m’għandhom jiġu abbandunati.
Fatt: Xi traduzzjonijiet tal-Bibbja jirreferu għal liġijiet speċifiċi tat-Tora bħala li huma “għal dejjem,” li jinkludu l-liġi tas-Sabat, tas-saċerdozju, u taʼ Jum it-Tpattija. (Eżodu 31:16; 40:15; Levitiku 16:33, 34, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Però, il-kelma Ebrajka użata f’dawn il-versi tistaʼ tfisser ukoll li din kienet valida għal perijodu taʼ żmien, u mhux bilfors li kienet se tibqaʼ valida għal dejjem. b Wara li l-patt tal-Liġi Mosajka kien ilu għaddej għal madwar 900 sena, Alla kien bassar li hu kien se jagħmel minfloku “patt ġdid.” (Ġeremija 31:31-33) Billi ‘qal “patt ġdid,” [Alla] warrab [il-patt] taʼ qabel.’ (Ebrej 8:7-13) Dan il-patt ġdid beda jgħodd madwar 2,000 sena ilu fuq l-bażi tas-sagrifiċċju tal-mewt taʼ Ġesù Kristu.—Efesin 2:15.
Idea żbaljata: It-tradizzjonijiet mitkellma tal-Lhud u t-Talmud għandhom awtorità daqs dik tat-Tora miktuba.
Fatt: Ma hemm l-ebda evidenza Skritturali li Alla ta lil Mosè xi liġi li kellha tkun miżjuda mat-Tora miktuba. Minflok, il-Bibbja tgħid: “Ġeħova ssokta jgħid lil Mosè: ‘Niżżel bil-miktub għalik innifsek dan il-kliem.’” (Eżodu 34:27) Il-liġi mitkellma, li iktar tard ġiet miktuba u magħrufa bħala l-Mixna u li maż-żmien saret it-Talmud, tikkonsisti fi tradizzjonijiet tal-Lhud li bdew il-Fariżej. Dawn it-tradizzjonijiet spiss ma qablux maʼ dak li tgħid it-Tora. Għal din ir-raġuni, Ġesù qal lill-Fariżej: “Il-kelma t’Alla ġibtuha fix-xejn minħabba t-tradizzjoni tagħkom.”—Mattew 15:1-9.
Idea żbaljata: In-nisa m’għandhomx jiġu mgħallmin it-Tora.
Fatt: Il-Liġi Mosajka kien fiha regola li tgħid li l-Liġi kollha kellha tinqara lin-nies kollha taʼ Iżrael, inkluż in-nisa u t-tfal. Għala? “Biex jisimgħu u jitgħallmu, u jibżgħu mill-Mulej, Alla [tagħhom], u jqisu li jagħmlu l-kliem kollu taʼ din il-liġi.”—Dewteronomju 31:10-12, Il-Bibbja, GħBM. c
Idea żbaljata: It-Tora fiha informazzjoni li mhux kulħadd jistaʼ jifhem.
Fatt: Mosè, li kiteb it-Tora, qal li l-messaġġ tagħha kien ċar u li setaʼ jifhmu kulħadd. (Dewteronomju 30:11-14) L-idea li t-Tora fiha informazzjoni li mhux kulħadd jistaʼ jifhem kellha l-bidu tagħha mill-Kabala, jew twemmin tradizzjonali tal-Lhud, li fiha jiġu użati “ħrejjef minsuġin [ivvintati]” biex tiġi spjegata l-Iskrittura. d—2 Pietru 1:16.
a Ara l-edizzjoni riveduta The Strongest Strong’s Exhaustive Concordance of the Bible, fis-sezzjoni “Hebrew-Aramaic Dictionary-Index to the Old Testament,” taħt numru 8451.
b Ara t-Theological Wordbook of the Old Testament, it-2 Volum, paġni 672-673.
c F’kuntrast għal dak li tgħallem it-Tora, it-tradizzjoni legali tal-Lhud spiss ma ppermettietx li n-nisa jistudjaw it-Tora. Pereżempju, il-Mixna tikkwota l-kliem taʼ Rabbi Eliezer ben Hyrcanus, li qal: “Kull min jgħallem lil bintu t-Tora, ikun qisu qed jgħallimha dagħwa.” (Sotah 3:4) It-Talmud taʼ Ġerusalemm jinkludi l-istqarrija li qal hu, li tgħid: “Ikun aħjar li l-kliem tat-Tora jiġi maħruq bin-nar milli jingħata lin-nisa.”—Sotah 3:19a.
d Pereżempju, referenza waħda tiddeskrivi l-attitudni Kabalistika lejn it-Tora billi tgħid: “It-Tora ma tfisser xejn b’mod speċifiku, imma tfisser ħafna affarijiet differenti fuq livelli differenti.”—Encyclopaedia Judaica, it-tieni edizzjoni, il-11-il Volum, paġna 659.