X’Inhi s-Saltna t’Alla?
It-tweġiba tal-Bibbja
Is-Saltna t’Alla hi gvern reali stabbilit minn Alla Ġeħova. Fil-Bibbja, “is-saltna t’Alla” tissejjaħ ukoll “is-saltna tas-smewwiet” peress li taħkem mis-sema. (Marku 1:14, 15; Mattew 4:17) F’ħafna aspetti, din tixbah lill-gvernijiet umani, iżda hija superjuri għalihom b’kull mod.
Il-Ħakkiema. Alla ħatar lil Ġesù Kristu bħala s-Sultan tas-Saltna u tah iktar awtorità milli setaʼ jkollu kwalunkwe ħakkiem uman ieħor. (Mattew 28:18) Ġesù juża din il-qawwa għat-tajjeb biss, peress li diġà ta prova li hu Mexxej taʼ min joqgħod fuqu u mimli mogħdrija. (Mattew 4:23; Marku 1:40, 41; 6:31-34; Luqa 7:11-17) Taħt id-direzzjoni t’Alla, Ġesù għażel persuni mill-ġnus kollha li “se jsaltnu għal fuq l-art” miegħu fis-sema.—Rivelazzjoni 5:9, 10.
It-Tul tal-Ħakma. Kuntrarju għall-gvernijiet umani, li llum hawn u għada le, is-Saltna t’Alla “qatt ma tinqered.”—Danjel 2:44.
Is-Sudditi. Kull min jagħmel dak li jirrikjedi Alla jistaʼ jkun sudditu tas-Saltna t’Alla, hu min hu.—Atti 10:34, 35.
Il-Liġijiet. Il-liġijiet (jew kmandamenti) tas-Saltna t’Alla jipprojbixxu kondotta ħażina. Imma mhux hekk biss—dawn jgħinu lis-sudditi tagħha jkollhom morali għoljin. Pereżempju, il-Bibbja tgħid: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. It-tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’” (Mattew 22:37-39) L-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu tqanqal lis-sudditi tas-Saltna biex jaġixxu fl-aħjar interessi tal-oħrajn.
L-Edukazzjoni. Filwaqt li s-Saltna t’Alla tistabbilixxi livelli għoljin għas-sudditi tagħha, tgħallem ukoll lin-nies kif jilħqu dawn il-livelli.—Isaija 48:17, 18.
L-Għan. Il-ħakkiema tas-Saltna t’Alla ma jistagħnewx minn fuq dahar is-sudditi tagħha. Minflok, din se twettaq ir-rieda t’Alla, inkluż il-wegħda li dawk li jħobbuh jgħixu għal dejjem f’art magħmula ġenna.—Isaija 35:1, 5, 6; Mattew 6:10; Rivelazzjoni 21:1-4.