IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Għandi nagħmel ħbieb ġodda?
“Vera nħossni komdu mal-klikka taʼ ħbieb tiegħi, għax jien insibha diffiċli nagħmilha maʼ nies oħrajn.”—Alan, 15-il sena.
“Għandi grupp żgħir taʼ ħbieb, u personalment kuntenta hekk. M’iniex it-tip li nħobb nitkellem maʼ nies li ma nafhomx.”—Sara, 17-il sena.
Tħossok int bħal Alan u Sara? Għandek int grupp taʼ ħbieb li dejjem tagħmilha magħhom u ssibha diffiċli biex tagħmel ħbieb ġodda?
Jekk iva, mela dan l-artiklu hu għalik!
Il-problemi li jġibu magħhom il-klikek
M’hemm xejn ħażin billi tkun fi grupp. Li jkollok grupp taʼ ħbieb li dejjem tagħmilha magħhom u tħossok komdu magħhom jgħinek tħossok aċċettat minnhom, int kif int—bit-tajjeb u l-ħażin tiegħek.
“Inħossni ferħana li qiegħda fi grupp u li huma jieħdu pjaċir bija. Meta tkun żgħir, tkun tixtieq li tiġi aċċettat minn oħrajn.”—Karen, 19-il sena.
Kont taf? It-12-il appostlu taʼ Ġesù kienu wħud mill-ħafna ħbieb tiegħu, imma tlieta minn dawk l-appostli—Pietru, Ġakbu, u Ġwanni—kienu l-iktar ħbieb tal-qalb tiegħu.—Marku 9:2; Luqa 8:51.
Però, li tassoċja biss maʼ grupp wieħed taʼ ħbieb—u ma tagħmilhiex maʼ oħrajn—jistaʼ jwasslek għal problemi. Pereżempju:
Jistaʼ jwaqqfek milli jkollok ħbiberiji tajbin oħra.
“Li jkollok biss ħbieb li jħobbu l-istess affarijiet bħalek jistaʼ jżommok milli jkollok esperjenzi ġodda—u li ssir taf nies oħrajn.”—Evan, 21 sena.
Jistaʼ jġiegħlek tidher kburi.
“Meta jkollok grupp taʼ ħbieb wieħed biss, tistaʼ tagħti l-impressjoni li ma tridx titkellem maʼ nies oħrajn.”—Sara, 17-il sena.
Jistaʼ jwasslek biex tieħu sehem f’bullying.
“Forsi persuna waħedha mhijiex se tibbulja lil xi ħadd, imma għax oħrajn fil-grupp qed jagħmlu hekk, jaf jidher li hu owkej—ġieli anki tibda taħseb li hi xi ħaġa tad-daħq.”—James, 17-il sena.
Jistaʼ jdaħħlek fl-inkwiet—l-iktar jekk lest li tagħmel kollox biex tibqaʼ f’dak il-grupp.
“Ġieli jkun hemm biss wieħed fi grupp li jagħmel xi ħaġa ħażina u l-grupp kollu jispiċċa jagħmel bħalu.”—Martina, 17-il sena.
Dak li tistaʼ tagħmel
Aħseb sew dwar il-prinċipji tiegħek.
Saqsi lilek innifsek: ‘X’inhuma l-prinċipji li nixtieq ngħix bihom? Il-ħbieb tiegħi jagħmluha iktar faċli jew diffiċli għalija biex inżomm maʼ dawn il-prinċipji? Inpoġġi jien lill-ħbieb l-ewwel akkost taʼ kollox?’
Prinċipju tal-Bibbja: “Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.”—1 Korintin 15:33.
“Meta l-ħbieb fil-grupp ma jkollhomx l-istess prinċipji bħal tiegħek, malajr tistaʼ tibda tagħmel affarijiet li int qatt ma kont lesta li tagħmilhom qabel.”—Ellen, 14-il sena.
Aħseb sew dwar il-prijoritajiet tiegħek.
Saqsi lilek innifsek: ‘Sirt tant close maʼ sħabi tal-grupp li nasal biex immur kontra dak li jien nemmen li hu tajjeb biex nibqaʼ ħabib magħhom? X’nagħmel jien kieku wieħed minn sħabi jagħmel xi ħaġa ħażina?’
Prinċipju tal-Bibbja: “Lil kulmin għandi affezzjoni lejh inwiddbu [jew, nikkoreġih].”—Rivelazzjoni 3:19.
“Jekk xi ħadd fil-grupp jagħmel xi ħaġa ħażina, int taf tiġi bejn ħaltejn dwar x’se tagħmel, għax tħoss li jekk tikxfu tkun qed tiħodha kontra l-grupp kollu.”—Melanie, 22 sena.
Agħmel ħbieb ġodda.
Saqsi lilek innifsek: ‘Nistaʼ nibbenefika jekk nagħmel ħbieb ġodda?’
Prinċipju tal-Bibbja: “Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.”—Filippin 2:4.
“Tfal li f’għajnejn ħaddieħor mhumiex popolari jaf għandhom ħajja diffiċli d-dar. Xħin issir tafhom, ħafna drabi ssib li jkollhom karattru sabiħ.”—Brian, 19-il sena.
Ir-realtà hi: M’hemm xejn ħażin li jkollok grupp taʼ ħbieb li tħobb tagħmilha magħhom. Imma fl-istess ħin, int tistaʼ tibbenefika jekk tagħmel ħbieb ġodda. Il-Bibbja tgħid: “Idraw agħtu, u n-nies jagħtukom.”—Luqa 6:38.