IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Kif Nistaʼ Ma Nċedix Biex Nagħmel is-Sess?
“Meta kont immur l-iskola, jekk xi ħadd kien jgħid li għamel is-sess, kulħadd ikun irid jagħmel bħalu. Ħadd ma jixtieq ikun differenti.”—Elaine, 21.
Ġieli ħassejt pressjoni biex tagħmel is-sess minħabba li kulħadd qisu qed jagħmel hekk?
Ġieli kellek pressjoni minn xi ħadd li tħobb biex tagħmel is-sess?
Jekk iva, dan l-artiklu jistaʼ jgħinek biex ma ċċedix għall-pressjoni t’oħrajn jew għax-xewqat tiegħek, u tieħu deċiżjonijiet tajbin.
Ideat żbaljati u fatti
IDEA ŻBALJATA: Kulħadd qed jagħmel is-sess minbarra jien.
FATT: Skont studju li sar dwar żgħażagħ li għandhom 18-il sena, tnejn minn kull tlieta jgħidu li diġà għamlu s-sess. Dan juri li numru kbir, iktar minn 30 fil-mija, għadhom m’għamlux. Mela mhux “kulħadd” qed jagħmel is-sess.
IDEA ŻBALJATA: Is-sess isaħħaħ ir-relazzjoni.
FATT: Xi ġuvintur jgħidu hekk biex iġiegħlu lit-tfajliet ikollhom x’jaqsmu magħhom, imma dan mhux vera. Spiss, il-ġuvni jitlaq lit-tfajla wara li jkollu x’jaqsam magħha. Dan iġegħelha tħossha użata għax hi tkun ħasbet li kien iħobbha jew għall-inqas kellu grazzja magħha. a
IDEA ŻBALJATA: Il-Bibbja tgħid li s-sess hu ħażin.
FATT: Il-Bibbja ma tgħidx li s-sess hu ħażin, imma li għandu jkun biss bejn raġel u mara miżżewġin.—Ġenesi 1:28; 1 Korintin 7:3.
IDEA ŻBALJATA: Jekk tagħmel dak li tgħid il-Bibbja mhux se tgawdi l-ħajja.
FATT: Jekk tistenna sa ma tiżżewweġ biex tagħmel is-sess, se tkun iktar ferħan għax tevita l-inkwiet u d-diżappunti.
L-iktar ħaġa importanti: Dawk li stennew biex jagħmlu s-sess wara li żżewġu ma ddispjaċihomx. Imma ħafna minn dawk li għamlu s-sess qabel iż-żwieġ iddispjaċiehom.
Kif tistaʼ ma ċċedix biex tagħmel is-sess?
Kun konvint minn dak li temmen dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Il-Bibbja tgħid li n-nies maturi “għandhom is-sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.” (Ebrej 5:14) Minħabba li huma konvinti li dak li tgħid il-Bibbja hu tajjeb, oħrajn mhux ħa jwaqqgħuhom malajr biex jagħmlu xi ħaġa ħażina.
“Jien noqgħod attenta ħafna biex ma nagħmilx xi ħaġa li tħassar ir-reputazzjoni tiegħi.”—Alicia, 16.
Aħseb dwar dan: X’tip taʼ reputazzjoni trid li jkollok? Hu worth it li biex togħġob lil xi ħadd tħassar ir-reputazzjoni tiegħek?
Aħseb dwar il-konsegwenzi. Il-Bibbja tgħid: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.” (Galatin 6:7) Aħseb kif il-futur tiegħek u tal-persuna l-oħra jistaʼ jinbidel jekk iċċedi biex tagħmel is-sess. b
“Nies li jagħmlu s-sess qabel jiżżewġu spiss jiddispjaċihom, ma jħossuhomx maħbubin, jistaʼ jkollhom tarbija li ma jkunux qed jistennew jew mard li jiġi trasmess mis-sess.”—Sienna, 16.
Aħseb dwar dan: Il-ktieb Sex Smart jistaqsi: “Jekk il-ħbieb qed iġegħluk tagħmel xi ħaġa li tistaʼ tagħmillek il-ħsara, huma ħbieb li għandek tagħmilha magħhom jew tismaʼ minn dak li jgħidulek?”
Ara li jkollok ħarsa bbilanċjata. Is-sess mhux xi ħaġa ħażina. Infatti l-Bibbja turina li koppja miżżewġa għandhom igawdu s-sess bejniethom.—Proverbji 5:18, 19.
“Is-sess hu xi ħaġa sabiħa li ħalaq Alla. Imma hu jridna ngawduh bil-mod kif irid hu, jiġifieri meta nkunu miżżewġin.” Jeremy, 17.
Aħseb dwar dan: Jekk tiżżewweġ se tkun tistaʼ tgawdi s-sess kif jixtieq Alla, u se tevita l-konsegwenzi li semmejna qabel.