IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Huma r-regoli tad-dar verament bżonjużi?
Hemm xi regola li qed issibha diffiċli biex tobdi? Dan l-artiklu u l-eżerċizzju taʼ miegħu se jgħinuk titkellem mal-ġenituri dwarha.
Il-ħarsa t-tajba lejn ir-regoli
Idea żbaljata: Meta titlaq mid-dar ħa teħles mir-regoli darba għal dejjem.
Ir-realtà: Ir-regoli ma jispiċċawx meta titlaq mid-dar. Xorta se jkollok tobdi lil xi ħadd—forsi lill-imgħallem, lil sid il-kera, jew anke lill-gvern. “Jien naħseb li ż-żgħażagħ li ma jobdux ir-regoli tad-dar se jieħdu qatgħa kbira meta jmorru joqogħdu waħedhom,” tgħid Danielle, tfajla taʼ 19-il sena.
Il-Bibbja tgħid: Kun “ubbidjenti lejn il-gvernijiet u l-awtoritajiet.” (Titu 3:1) Li titgħallem kif tkampa mar-regoli tal-ġenituri huwa l-aqwa taħriġ għal dak li se tiffaċċja fil-ħajja bħala adult.
Dak li tistaʼ tagħmel: Tgħallem ara l-pożittiv tar-regoli. “Ir-regoli tal-ġenituri tiegħi vera għenuni nitgħallem kif nagħżel il-ħbieb u kif inqassam il-ħin,” jgħid ġuvni jismu Jeremy. “Ukoll, ir-regoli għenuni biex ma naħlix ħafna ħin nara t-televixin u nilgħab ħafna logħob elettroniku, u minħabba f’hekk kelli ċans nagħmel iktar affarijiet utli—li xi ftit minnhom għadni nieħu gost nagħmilhom.”
Kif l-aħjar tagħmel dan
Imma xi ngħidu jekk regola tidher li ma tagħmilx sens? Pereżempju, tfajla jisimha Tamara tgħid: “Il-ġenituri tiegħi ħallewni nsiefer f’pajjiż ieħor, imma mbagħad meta ġejt lura d-dar, huma lanqas biss ħallewni nsuq lejn belt li hi biss 20 minuta ’l bogħod!”
Jekk qiegħed f’sitwazzjoni simili, taħseb li jkun ħażin li titkellem mal-ġenituri tiegħek dwar ir-regola? Lanqas xejn! L-importanti hu li tkun taf meta u kif għandek titkellem magħhom.
Meta. “Huwa biss meta turi li int responsabbli, li se tkun tistaʼ tkellem lill-ġenituri tiegħek biex ibiddlu xi ħaġa mir-regola,” tgħid żagħżugħa jisimha Amanda.
Tifla jisimha Daria taqbel maʼ dan. “Ommi kkunsidrat tagħmel bdil fir-regola meta rat li jien kont ubbidjenti b’mod konsistenti.” Ftakar, il-fiduċja trid taħdem għaliha, ma tiġix waħedha.
Il-Bibbja tgħid: “Osserva l-kmandament taʼ missierek, u titlaqx il-liġi t’ommok.” (Proverbji 6:20) Jekk dejjem tobdi din it-twissija, int se tibni l-fiduċja tal-ġenituri tiegħek fik u se jkun iktar faċli għalik biex titkellem magħhom.
Kif. “Li turi rispett u żżomm kalm huwa dejjem l-aħjar mod kif għandek tikkomunika mal-ġenituri tiegħek flok teqred u tgħajjat,” jgħid żagħżugħ jismu Steven.
Daria, li semmejna qabel, taqbel maʼ dan. “Meta kont nargumenta m’ommi, xejn ma kien jinbidel,” tgħid hi. “Minflok, ġieli kienet tagħmel ir-regola iktar iebsa.”
Il-Bibbja tgħid: “L-istupidu jisfoga r-rabja għalkollox, imma l-għaref iżomm kalm sa l-aħħar.” (Proverbji 29:11) Meta titgħallem tikkontrolla lilek innifsek, se jkun taʼ benefiċċju kbir għalik, mhux biss fid-dar imma anke l-iskola, ix-xogħol, u tkun fejn tkun.
Dak li tistaʼ tagħmel: Aħseb qabel titkellem. Reputazzjoni tajba malajr tistaʼ titlifha f’mument taʼ rabja. Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tgħid li “min idum biex jirrabja għandu ħafna dixxerniment.”—Proverbji 14:29.
Suġġeriment: Uża l-eżerċizzju li hu disponibbli, biex tifhem ir-regoli, u jekk ikun hemm bżonn, tkellem mal-ġenituri tiegħek fuq dan is-suġġett.