IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
X’jistaʼ jgħinni issa li r-relazzjoni li kont fiha spiċċat?
“Wara li jiena u t-tfajla ħassarna, għaddejt minn żmien ikrah ħafna, u kont qisni ras maqtugħa. Għalija kien l-ikbar uġigħ emozzjonali li qatt esperjenzajt f’ħajti,” jgħid Steven li għandu 28 sena.
Għaddejt int minn esperjenza simili? Jekk iva, dan l-artiklu jistaʼ jgħinek.
Xi tħoss
Meta relazzjoni tispiċċa, tikkaġuna wġigħ lit-tnejn.
Jekk int kont il-wieħed li waqqaft ir-relazzjoni, forsi tistaʼ tħossok bħalma ħassitha Jasmine, li għandha 28 sena, li qalet, “Li naf li weġġajt lil xi ħadd li kont inħobb kienet qed teffettwali l-kuxjenza tiegħi, u nittama li qatt ma nerġaʼ ngħaddi minnha.”
Jekk int ma kontx il-wieħed li waqqaft ir-relazzjoni, mela probabbilment tifhem għala xi wħud jiddeskrivu dan bħal qisu mitilhom xi ħadd. Janet, li għandha 21 sena, tgħid: “Jien għaddejt minn perijodu li ħassejtni qisu mietli xi ħadd, ma stajtx naċċetta l-ħaġa, kont inħossni rrabjata, dipressa, u fl-aħħar—wara kważi sena—aċċettajtha.”
Ir-realtà hi: Meta relazzjoni tintemm, int tistaʼ tħossok imdejjaq u qalbek maqtugħa. Kittieb tal-Bibbja qal: “Spirtu mdejjaq inixxef l-għadam.”—Proverbji 17:22.
Dak li tistaʼ tagħmel
Tkellem maʼ xi ħadd matur li tafda. Il-Bibbja tgħid: “Ħabib veru jħobb il-ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-niket.” (Proverbji 17:17) Li tiftaħ qalbek maʼ ġenitur jew ħabib matur jistaʼ jgħinek biex tħares b’mod differenti lejn is-sitwazzjoni.
“Għal xhur kont ninqataʼ għalija waħdi u ma ridt inkellem lil ħadd dwar kif kont qed inħossni. Imma l-ħbieb jistgħu jgħinuk tħossok aħjar. Fil-fatt xħin tkellimt magħhom u għedtilhom kif ħassejtni, veru bdejt inħossni ftit aħjar.”—Janet.
Tgħallem minn dak li ġralek. Proverbju ieħor fil-Bibbja jgħid: “Ikseb l-għerf, ikseb l-abbiltà li tifhem.” (Proverbji 4:5) Esperjenzi koroh jistgħu jgħallmuna ħafna dwarna nfusna u kif inkampaw mal-affarijiet meta dawn ma jmorrux kif inkunu xtaqna.
“Wara li ma bqajniex flimkien, ħabib tiegħi staqsieni, ‘X’tgħallimt minn din ir-relazzjoni, u kif se tuża dak li tgħallimt meta ’l quddiem tkun f’relazzjoni oħra?’”—Steven.
Itlob. Il-Bibbja tgħid: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik.” (Salm 55:22) It-talb jistaʼ jgħinek tkampa mad-dwejjaq kbar u tara s-sitwazzjoni minn ħarsa oħra.
“Itlob kontinwament. Ġeħova jifhem l-uġigħ tiegħek u jaf is-sitwazzjoni aħjar minn kif tafha int.”—Marcia.
Għin lil nies oħra. Il-Bibbja tgħid: “Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.” (Filippin 2:4) Iktar ma tinvolvi ruħek f’li tgħin lil oħrajn, iktar se tħossok aħjar malajr wara li tispiċċa minn relazzjoni.
“Meta relazzjoni tispiċċa tħossok qisha spiċċat id-dinja, u l-uġigħ tagħha jweġġaʼ aktar minn uġigħ fiżiku. Imma tistaʼ tħossok aħjar. Kelli nagħti lili nnifsi ż-żmien biex inħossni aħjar.”—Evelyn.