X’inhi l-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova?
Il-Ġemgħa li Tiggverna huma grupp żgħir taʼ Kristjani maturi li jipprovdu direzzjoni għax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja. Ix-xogħol tagħhom għandu żewġ skopijiet:
Huma jieħdu ħsieb il-preparazzjoni tat-tagħlim ibbażat fuq il-Bibbja li jkun hemm fil-pubblikazzjonijiet, il-laqgħat, u l-iskejjel tax-Xhieda taʼ Ġeħova.—Luqa 12:42.
Huma jmexxu x-xogħol taʼ madwar id-dinja tax-Xhieda taʼ Ġeħova billi jidderieġu l-ministeru pubbliku tagħna u jieħdu ħsieb il-kontribuzzjonijiet li jingħataw.
Il-Ġemgħa li Tiggverna jsegwu l-mudell li ħallew “l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm” fl-ewwel seklu, li ħadu deċiżjonijiet importanti f’isem il-kongregazzjoni Kristjana kollha kemm hi. (Atti 15:2) Bħal dawk l-irġiel leali, il-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna mhumiex il-mexxejja tal-organizzazzjoni tagħna. Huma jfittxu fil-Bibbja għall-gwida, għax jirrikonoxxu li Alla Ġeħova ħatar lil Ġesù Kristu bħala l-Kap tal-kongregazzjoni.—1 Korintin 11:3; Efesin 5:23.
Min huma l-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna?
Il-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna huma Kenneth Cook, Jr., Gage Fleegle, Samuel Herd, Geoffrey Jackson, Jody Jedele, Stephen Lett, Gerrit Lösch, Jacob Rumph, Mark Sanderson, David Splane u Jeffrey Winder. Huma jaqdu fil-kwartieri ġenerali tagħna f’Warwick, New York, l-Istati Uniti tal-Amerka.
Il-Ġemgħa li Tiggverna kif inhi organizzata?
Il-Ġemgħa li Tiggverna stabbiliet sitt kumitati biex tieħu ħsieb diversi aspetti tax-xogħol tagħna, u kull membru jaqdi f’wieħed minn dawn il-kumitati jew f’aktar.
Il-Kumitat tal-Koordinaturi: L-aħwa li jaqdu f’dan il-kumitat jieħdu ħsieb kwistjonijiet legali u każi li fihom il-Xhieda taʼ Ġeħova jiġu persegwitati minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom. Ukoll, jorganizzaw l-għajnuna meta jkun hemm xi diżastru jew emerġenza li teffettwa lix-Xhieda taʼ Ġeħova.
Il-Kumitat tal-Personell: Jieħu ħsieb il-membri tal-familja taʼ Betel.
Il-Kumitat tal-Ippubblikar: Dawk li jaqdu f’dan il-kumitat jieħdu ħsieb li l-letteratura Biblika tiġi stampata u ppubblikata u li tintbagħat madwar id-dinja. Kif ukoll jieħdu ħsieb il-kostruzzjoni tal-postijiet fejn niltaqgħu, l-uffiċċji tat-traduzzjoni, u l-faċilitajiet tal-fergħa.
Il-Kumitat tas-Servizz: Jieħu ħsieb ix-xogħol tagħna tal-ippritkar tal-“aħbar tajba tas-saltna.”—Mattew 24:14.
Il-Kumitat tat-Tagħlim: Jieħu ħsieb it-tħejjija tat-tagħlim spiritwali li jiġi provdut fil-laqgħat, fl-iskejjel, u fil-programmi bl-awdjo u bil-vidjow.
Il-Kumitat tal-Kitba: Għandu r-responsabbiltà li jieħu ħsieb li jiġi mħejji t-tagħlim spiritwali stampat u fuq il-Websajt u jieħu ħsieb ix-xogħol tat-traduzzjoni.
Minbarra x-xogħol li tagħmel f’dawn il-kumitati, il-Ġemgħa li Tiggverna tiltaqaʼ kull ġimgħa biex tikkunsidra l-bżonnijiet tal-organizzazzjoni. F’dawn il-laqgħat, il-membri jiddiskutu dak li tgħid l-Iskrittura u jsegwu d-direzzjoni tal-ispirtu qaddis t’Alla. Huma dejjem iħabirku biex id-deċiżjonijiet ikunu unanimi.—Atti 15:25.
Min huma dawk li jgħinu lill-Ġemgħa li Tiggverna?
Dawn huma Kristjani taʼ min jafdahom li jgħinu lill-kumitati tal-Ġemgħa li Tiggverna. (1 Korintin 4:2) Huma għandhom l-abbiltà u l-esperjenza fix-xogħol li jieħu ħsieb il-kumitat li huma inkarigati fih, u jattendu l-laqgħa li jkollu dan il-kumitat kull ġimgħa. Għalkemm m’għandhomx sehem f’li jieħdu d-deċiżjonijiet, dawn jagħtu pariri taʼ valur u jagħtu informazzjoni fuq dak li jkun qed jiġi diskuss. Huma wkoll jaraw li jitwettqu d-deċiżjonijiet tal-kumitat u regolarment jiċċekkjaw ir-riżultati taʼ dawn id-deċiżjonijiet. Jistgħu wkoll jiġu inkarigati mill-Ġemgħa li Tiggverna biex iżuru lill-aħwa f’diversi postijiet madwar id-dinja jew biex jagħtu xi taħdita f’okkażjonijiet speċjali bħal fil-laqgħat annwali jew il-gradwazzjoni taʼ Gilegħad.
Kumitat |
Isem |
---|---|
Il-Koordinaturi |
|
Il-Personell |
|
L-Ippubblikar |
|
Is-Servizz |
|
It-Tagħlim |
|
Il-Kitba |
|